L-istatut il-ġdid tal-partit jikkonferma li l-għażla finali tal-Kap għandha titħalla f’idejn it-tesserati. U għaldaqstant, biex tiġi solvuta l-kriżi li għaddej minnha l-PN għandu jkun hemm elezzjoni ġusta għal Kap tal-Partit.
Hekk stqarr l-eks Ministru Louis Galea, meta kien qed jirreaġixxi għall-iżviluppi politiċi tal-aħħar jiem, partikolarment il-vot li ttieħed fil-Kumitat Eżekuttiv tal-PN.
Fi stqarrija Louis Galea fakkar kif sena ilu ġie mogħti l-inkarigu li jmexxi proċess ta’ riforma u tiġdid fil-PN. U insista li l-Istatut il-ġdid li ġie addottat huwa biss il-pedament għall-futur tal-partit.
Hu tkellem ukoll dwar l-istat preżenti fil-PN, li ddeskrivih bħala partit li qed isofri emoraġija ta’ appoġġ u fiduċja.
Louis Galea stqarr illi jibża’ li jekk ma jkunx hemm tmexxija ġdida li kapaċi tgħaqqad il-qawsalla kollha ta’ opinjonijiet li l-PN minn dejjem ħaddan, u li tispira fiduċja fil-poplu u taħdem għall-milja tal-aspirazzjonijiet tiegħu, dan il-pedament ma jissarrafx fil-ġid li għandu l-mira u l-potenzjal li jilħaq.
L-eks Ministru Nazzjonalista spjega li l-voti li ttieħdu fil-Grupp u fil-Kumitat Eżekuttiv juru bl-aktar mod ċar l-urġenza li l-PN iniedi proċess li jwassal għall-għażla ta’ mexxej ġdid tal-partit.
//= $special ?>