Stennija għax-xhieda ta’ David Casa u Evarist Bartolo
L-inkjesta pubblika biex ikun magħruf jekk il-qtil tal-ġurnalista setax ikun evitat minn naħa tal-awtoritajiet se tkompli llum bix-xhieda tal-ġurnalista Għawdxi Victor Paul Borg.
Borg kiteb fuq ħafna temi f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika Maltija fosthom ma’ l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. L-inkjesta, anke jekk baqa’ numru ta’ xhieda oħra li jridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom issa riesqa lejn il-pass finali tagħha.
Fost dawk li għandhom jixhdu fil-futur qarib huma il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo.
Il-ġurnalist Victor Paul Borg ma kienx jaqbel mal-mod kif għaddiet il-liġi tal-bejgħ tal-passaporti u ħafna mill-kitbiet tiegħu kienu wkoll jsibu posthom fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-ġurnalist kien jemmen li hu ma kienx ikun qed jalludi dwar negozjant barrani ta’ ta ‘suċċess li jkun irid jiġi Malta biex jgħix u jinvesti. Ma jaqbilx imma ma’ dawk li jkunu se jixtru l-passaport Malti bħala passaport ta’ konvenjenza.
Kien jgħid li dik hija l-problema. “Jien ma jkolli l-ebda kwistjoni fuq nies għonja li jiġu jgħixu f’Malta u jsiru Maltin għal skopijiet ta’ nvestiment reali.” kien jistqarr il-ġurnalista.
Wara nuqqas ta’ tliet xhur, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, f’nofs Ġunju kompliet l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana fejn kien lura fil-11 ta’ Marzu li sar l-aħħar smigħ u li kellha tieqaf ħesrem, minħabba l-pandemija.
F’din l-inkjesta xehdu għexieren ta’ persuni li jinkludu eks Kummissarji tal-Pulizija, Assistenti u Deputati Kummissarju, uffiċjali oħra minn naħa tal-Korp tal-Pulizija, membri ta’ Bordijiet, nies li kienu jissemmew fil-blog tagħha u kull rabta li persuni jew l-istess Daphne Caruana Galizia li b’xi mod kienu relatati ma’ xulxin.
Il-Gvern waqqaf inkjesta pubblika sabiex tinvestiga jekk il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet ta’ pajjiżna kienux adegwati biex jipproteġu l-ħajja tal-ġurnalista.
Kienet saret pressjoni kbira biex din l-inkjesta ssir fejn kienet qed issir kritika li sentejn wara l-assassinju, l-awtoritajiet Maltin ma kienux qegħdin juru ħeġġa biex joħorġu l-fatti.
Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista investigattiva, kittieba u attivista kontra l-korruzzjoni, inqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017, f’assassinju brutali. Il-ġurnalista nqatlet qrib id-dar tagħha fil-Bidnija, permezz ta’ bomba li tqiegħdet taħt is-sedil tal-karozza tagħha.
Ftit jiem wara l-mewt ta’ Daphne, erba’ esperti tan-Nazzjonijiet Uniti ħarġu stqarrija, fejn kienu għamlu sejħa lill-Gvern ta’ Malta biex “jonora l-impenn tiegħu għal investigazzjoni urġenti u indipendenti”.
Bosta korpi internazzjonali, fosthom il-Kunsill tal-Ewropa u l-Parlament Ewropew għamlu pressjoni għal inkjesta u kienu qajmu tħassib serju dwar il-progress u tal-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin, u s-saltna tad-dritt f’Malta.
//= $special ?>