Lokali Qorti

Jevita l-ħabs għall-isforzi li qed jagħmel biex jaqbad it-triq it-tajba, sieħbu jmur sentejn ħabs

Żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Belt evita li jiġi kkundannat sentenza ta’ ħabs grazzi għall-isforzi li qed jagħmel biex jaqbad it-triq t-tajba. Dan wara li huwa ammetta li fl-1 ta’ April tal-2017 flimkien ma’ persuna oħra pprova jwettaq serqa minn residenza fil-Mosta.

Sieħbu Matthew Camilleri mill-Gżira, li m’ammettiex l-akkużi ġie kundannat sentejn ħabs fuq l-attentat ta’ serqa bil-Qorti wkoll tordna l-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-garanzija ta’ €6,000 hekk kif indikat fid-digriet għall-helsien mill-arrest mogħti fuq każ ieħor.

Sadanittant fil-konfront tal-Belti, l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet fis-sentenza tagħha li Kane Grima, llum il-ġurnata, jidher li qed jagħmel ħiltu sabiex jinħall mill-passat infeliċi tiegħu; passat li wasslu fuq l-għatba tal-kriminalità u dan biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga li kien mahkum minnu.

Ġie kkunsidrat ukoll il-pre-sentencing report maghmul mill-uffiċjal ghall-probation. Il-Qorti qiset dak li xehdet rappreżentant tal-Caritas; fuq il-progress li ntqal li għamel Grima, tal-isforzi tiegħu biex jaqbad it-triq it-tajba w jhalli warajh ħajja ta’ delinkwenza. Huwa għalhekk li l-Qorti ma mponietx piena ta’ ħabs.

Grima ammetta li għall-ħabta tad-8.50pm. fi Triq id-Delu, l-Mosta bil-ħsieb li jikkommetti delitt, flimkien ma’ persuni oħra sgassa tieqa ta’ barra. Dan bil-ħsieb li jisraq oġġetti jew ħwejjeġ ta’ valur li jaqbżu l-€2,329.37. Huwa ammetta wkoll li ma’ ħaddieħor wettaq ukoll ħsara fl-ammont li ma jaqbiżx l-€1,000.

Ammetta wkoll li kiser ukoll il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li sar reċidiv b’diversi sentenzi, li ta nformazzjoni falza u li għamel użu minn dokument falz.

Dwar il-piena l-Qorti hadet in konsiderazzjoni tan-natura tar-reati, tal-ammissjoni tiegħu, li saret wara l-għeluq tal-każ tal-Prosekuzzjoni, u tal-kondotta tiegħu fejn jirriżulta li l-imputat ċertament mhux first-time offender minkejja l-età żagħżugħa tiegħu.

Il-Qorti poġġiet lil Grima taħt Ordni ta’ Trattament għal żmien tliet snin sabiex ikompli jindirizza bis-sħiħ l-vizzju tad-droga, anke jekk dan ikun jirrikejdi interventi minn professjonisti oħra.

Il-Qorti spjegatlu l-konsegwenzi jekk jikkommetti reat iehor waqt il-perjodu operattiv ta’ din is-sentenza kif ukoll jekk ma jsegwix id-direttivi li se
jingħatawlu fil-perjodu ta’ supervizjoni.

Huwa ġie ordnat ukoll mill-Qorti iħallas is-somma ta’ €800 fuq ħsarat li kkommetta fir-residenza tal-vittma fi żmien sitt xhur. Dwar il-każ ta’ Matthew Camilleri ġar tal-vittmi, nforma lil Control Room tal-Pulizija li ra żewġ persuni dieħlin f’dar fl-istess triq.

Meta marru fuq il-post dan stqarr mal-Pulizija li kienu ftit qabel id-9.00 pm. li ra raġel bi flokk aħmar u jeans li daħal b’xi ħaġa bil-ponta f’idu u b’xi dawl ta’ torċ jew mobile. Rah jiftaħ it-tieqa, daħal u baqa’ bit-torċ.

Wara minuta resaq raġel ieħor b’jeans u flokk skur li kif lemaħ lilu
mar jiħri lura. Minuta wara, dak li kien daħal ġewwa, qabad jixgħel
u jitfi d-dawl u reġa’ ħareġ minn ġot-tieqa, ħares lejħ u telaq jiġri.

Telqu bil-karozza minn fuq il-post. Qal li dak li ħareġ mit-tieqa ħareġ biss b’dak l-oġġett bil-ponta li daħal bih u bit-torċ. Ma kellhomx
wiċċhom mgħammad u lanqas kienu liebsin ingwanti u kellhom inqas minn 30 sena.

Il-Pulizija tkellmet ukoll ma’ sid id-dar li spjega li kien ħalla d-dar xi 8:10 pm. u ma kellu suspett fuq ħadd u ma sab xejn nieqes. L-Ispettur Saviour Baldacchino qal li minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li fuq il-post instabu l-finger prints tal-imputati.

Meta l-Pulizija tkellmet mal-ġarr, dan kien għaraf biss lil Matthew Camilleri mir-ritratti li ġew murija lilu. L-impronti diġitali ta’ Kane Grima instabu fuq ‘jewellery box’ fil-kamra tas-sodda u dawk ta’ Matthew Camilleri nstabu fuq it-tieqa ta’ barra tar-residenza.

Meta tkellmu ma’ Camilleri, u għarrfuh bis-sejba tal-impronti tiegħu, dan spjega li hu direttur ta’ Wood System SRLS, li branch tagħha tinsab f’Malta, u din kienet timporta l-għamara.

Muri r-ritratti tar-residenza mill-Pulizija, Camilleri spjega li kien mar fl-akkwati f’Settembru, 2017, u dan peress li kellu jiltaqa’ ma persuna bl-isem ta’ Borg biex itih stima.

Borg ma kienx mar hemm u ddeċieda li jmur f’din ir-residenza li kellha qanpiena n-naħa t’isfel, imma din ma ċemplitx, u għażel li jitla’ t-taraġ għax ħaseb li hemm seta’ joqgħod xi ħadd Borg.

Qal ukoll li wara t-tieqa, fejn instabet l-impronta diġitali tiegħu, kien hemm living room. Sussegwentement Camilleri ġie interrogat wara, u dan biddel xi dettalji mill-verżjoni li kien taha oriġinarjament.

Fil-fatt qal li kien mar fuq il-post u tahom kopja tal-quotation li kienet issemmiet minnu. L-Ispettur Baldacchino qal li komplew investigazzjonijiet oħra u dawn kienu fuq il-mobile ta’ Camilleri. Ħareġ li Camilleri ta lill-Pulizija numru ta’ mobile li ma kienx uża fil-ħinijiet ta’ ftit qabel u wara l-attentat ta’ serq.

Irriżulta li fid-data u fil-ħin inkwistjoni Camilleri kien qiegħed fil-viċinanzi tal-Mosta, fejn it-Techno Park. Dan it-telefon ċellulari telaq minn
Manoel Island ….għall-ħabta tas-7:10 pm., wasal hemm għall-ħabta tat-8:25 pm. u dam sad-8:50 pm. u kien bejn wieħed fejn il-Mosta Techno Park fejn għamel diversi telefonati.

Sid id-dar in kwistjoni, iddeskriva kif ġie mgħarraf mill-Pulizija
li sar sgass fir-residenza tiegħu. Meta rritorna d-dar mis-cinema, fejn kien meta ċemplulu l-Pulizija, sab li daru sgassata.

“Ghax hemm id-daqqa tal-lieva fuq il-bieb u min daħal, daħal mit-tieqa li tigi adjaċenti mal-bieb, mit-tieqa tal-aluminium …”. Spjega kif kien ħalla kullimkien magħluq qabel ma ħarġu iżda meta daħal lura sab il-bieb tal-bitħa t’isfel u l-bieb tal-bejt miftuħin.

Huwa nnega li kien ordna xi kċina jew għamara oħra. Lanqas ma talab
stimi mingħand Wood Systems. Martu kkonfermat l-istess verżjoni u saħqet li meta rritornat id-dar u daħlet fil-main bedroom, u sabet
numru ta’ ‘jewellery boxes’ mftuħin pero id-deheb kienet ghadu fihom. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Darmanin.

Għal Grima dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri, filwaqt li għal Matthew Camilleri deher l-avukat Alfred Abela.