Futbol Sport

Juventus miżmuma minn Sassuolo u Lazio jkomplu jitilfu l-punti

(Ritratt: EPA)

Juventus reġgħu waqqgħu l-punti hekk kif din id-darba kienu miżmuma minn Sassuolo 3-3 fil-Mapei Stadium. Il-vantaġġ tagħhom jista’ jinżel għal sitt punti jekk Inter jirbħu għada. Il-Bianconeri fetħu vantaġġ doppju sal-ewwel 12-il minuta, b’DANILO jiftaħ l-iskor wara sitt minuti b’xutt minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira biex GONZALO HIGUAIN irdoppja wara li rċieva ballun fit-tul.

Sassuolo daħlu fil-logħba fid-29 minuta b’xutt għar-rokna ta’ FILIP DJURICIC wara passaġġ ta’ Francesco Caputo u ġabu d-draw bi free-kick ta’ DOMENICO BERARDI fil-51 minuta. Sassuolo saħansitra marru minn fuq tliet minuti wara permezz ta’ FRANCESCO CAPUTO iżda ALEX SANDRO ġab id-draw fl-64 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner.

Lazio komplew jitilfu l-punti hekk kif din id-darba kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls minn Udinese fid-Dacia Arena. Dan il-punt għen aktar lil Udinese li komplew jersqu lejn il-konferma tas-salvazzjoni filwaqt li Lazio kisbu seba’ punti fl-aħħar seba’ logħbiet.

Fiorentina huma prattikament salvi filwaqt li komplew jimbuttaw lil Lecce għas-Serie B. Ir-rebħa għat-tim ta’ Beppe Iachini fi Stadio Via del Mare kienet assigurata fl-ewwel taqsima. FEDERICO CHIESA fetaħ l-iskor wara sitt minuti meta rċieva passaġġ ta’ Patrick Cutrone. RACHID GHEZZAL irdoppja fit-38 minuta minn free-kick biex żewġ minuti wara PATRICK CUTRONE skorja t-tielet gowl. YEVHEN SHAKHOV naqqas id-distakk fit-88 minuta.

Roma saħħew il-ħames post meta għelbu lil Verona 2-1 fi Stadio Olimpico. JORDAN VERETOUT fetaħ l-iskor fl-għaxar minuta minn penalty biex EDIN DZEKO rdoppja b’daqqa ta’ ras mill-viċin qabel tmiem l-ewwel taqsima. MATTEO PESSINA naqqas id-distakk fis-47 minuta billi laqat il-ballun bit-takkuna u għeleb lil Pau Lopez.