Lokali Parlament

Kienu se jintilfu iktar minn 14-il miljun ewro kieku ma nkixfux il-Panama Papers

L-Awtoritajiet tat-taxxa investigaw 237 każ b’rabta mal-Panama Papers u sa issa ġabru aktar minn €14.2 miljun. Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saret mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech.

Scicluna qal li s-somma ġiet irkuprata minn 163 każ konkluż hekk kif 74 każ oħra għadhom pendenti. L-investigazzjoni tal-Panama Papers kienet żvelat l-użu ta’ kumpaniji offshore minn kriminali, ċelebritajiet u politiċi madwar id-dinja biex jaħbu u jaħslu flushom ‘il bogħod mill-awtoritajiet tat-taxxa.

Skont it-Tax Compliance Unit, f’Malta kien hemm 237 taxpayer li dehru fil-Panama Papers – 163 individwu, 62 kumpanija u 12-il trustee.

Kien żvelat li ċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, u l-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama taħt kenn minn trusts fi New Zealand. Dan apparti l-fatt li ħadd minnhom ma rreġistra dawn it-trust mal-awtoritajiet tat-taxxa lokali… tort li tefgħu fuq il-kumpanija Nexia BT.

It-tnejn li huma ġew investigati mill-aġenzija tal-gvern kontra l-ħasil tal-flus u għaddejjin bosta inkjesti maġisterjali dwar pretensjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.

Rapport ta’ evalwazzjoni minn Moneyval li sar fl-2019, sab li l-pulizija wettqet ftit investigazzjonijiet f’dan ir-rigward.

Intant l-investigazzjoni magħrufa bħala Swiss Leaks wasslet biex 96 Malti jkun investigat. Fl-2015, l-investigazzjoni Swiss Leaks, li bdiet wara informazzjoni maħruġa minn analista tal-kompjuters Franċiżi Hervé Falciani, ħarġet skema ta’ evażjoni tat-taxxa minn kontijiet tal-HSBC f’Ġinevra.

Edward Scicluna qal li 96 persuna kienu investigati b’rabta mal-iSwiss Leaks. 94 każ kienu konklużi s’issa, filwaqt li tnejn għadhom pendenti. Il-każi waslu biex ikunu rikoverati iktra minn 13-il miljun ewro f’taxxi mhux imħallsa.