Coronavirus Lokali

L-ajruport Malti jiftaħ għal 28 pajjiż ieħor

Mil-lum l-ivvjaġġar reġa' fetaħ għal madwar ħamsin pajjiz

L-Ajruport Internazzjonali Malti mil-lum fetaħ għal 28 pajjiż ġdid li huma meqjusa bħala ‘Covid19 safe countries’.

Dawn il-pajjiżi jinkludu r-Renju Unit, il-Kanada, il-Belġjum, il-Bulgarija, l-Olanda, l-Awstralja, New Zealand, Andorra, Monaco, il-Korea t’Isfel, it-Turkija, il-Ġordan, Liechtenstein, San Marino, iċ-Ċina, il-Vatikan, Rwanda, l-Urugway, il-Ġappun, l-Islovenja, it-Tajlandja, il-Marokk, il-Portugall, it-Tunesija, ir-Rumanija, il-Lebanon, l-Indonesja u l-Emirati Għarab Magħquda.

Din il-lista se tkun riveduta kull ġimgħatejn mill-Kummissjoni Ewropea.

L-Awtorijtajiet tas-Saħħa qed ikomplu jħeġġu lil dawk kollha li jkunu se jsiefru sabiex jibqgħu josservaw id-distanza soċjali, tintlibes maksra kif ukoll isir il-ħasil frekwenti tal-idejn.

Kien eżatt ġimgħatejn ilu, fl-1 ta’ Lulju, li l-Ajruport Internazzjonali Malti reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu wara li għamel ġimgħat sħaħ magħluq minħabba l-pandemija tal-Coronavirus. Dakinhar pajjiżna beda jilqa’ titjiriet minn 19-il pajjiż.

Fl-aħħar ġimgħat, Malta kienet qed iżżid il-lista ta’ pajjiżi minn fejn kienet qed tilqa’ t-turisti sakemm mil-lum l-ivvjaġġar qed jerġa’ jinfetaħ għal madwar ħamsin pajjiż.