L-atleta attiv kif ukoll Viċi-President tal-Kumitat Paralimpiku Malti George Vella kien finalment rikonoxxut bħala detentur ta’ rekord nazzjonali indoor fuq id-distanza ta’ 800m stabbilit fl-2004. Dan ir-rekord baqa’ mhux megħlub għal sittax-il sena sħaħ.
Vella kien wieħed mill-aktar atleti prominenti fuq it-800 metru meta fl-2004 ipparteċipa fil-Kampjonati Ewropej Indoor għall-Persuni neqsin mis-smigħ, li saru f’Sofia, fil-Bulgarija. Dak iż-żmien kien pjuttost rari li atleti Maltin jipparteċipaw f’avvenimenti tal-atletika li jsiru fuq ġewwa, li tirrappreżenta esperjenza kompletament differenti mill-atletika tradizzjonali fit-track.
Minkejja li din kienet l-ewwel esperjenza għal Vella barra minn xtutna, huwa ġera fl-aqwa ħin qatt reġistrat minn atleta Malti fit-800 metru, dak ta’ 2 minuti u 4.87 sekonda. Dan ir-rekord inkiser biss aktar kmieni din is-sena minn Benjamin Micallef.
Wara dakinhar, George Vella rrappreżenta lil Malta f’diversi avvenimenti oħra għal persuni neqsin mis-smigħ, fejn aktar riċenti huwa ffoka fuq distanzi itwal. Illum huwa wkoll il-Viċi President tal-Kumitat Paralimpiku Malti, fejn iwettaq ħidma amministrattiva bit-tama li fil-futur, il-paratleti lokali ma jgħaddux mill-esperjenza tiegħu fejn atleta jdum jistenna żmien twil l-approvazzjoni tar-riżultati tiegħu.
Andy Grech, President tal-MAAA, qal “sfortunatament George kellu jistenna 16-il sena biex ir-riżultat tiegħu jkun rikonoxxut, iżda din is-sitwazzjoni issa hi xi ħaġa tal-passat. Aħna nħossuna xxurtjati li individwu bħal George qed jiggwidana fejn u kif l-atleti lokali kif ukoll il-paratleti jkollhom bżonn l-għajnuna.”
Il-President tal-Kumitat Paralimpiku Malti Prof. Joseph Grima stqarr li l-komunità paralimpika Maltija hi ferm onorata li atleta ewlieni bħal George Vella llum għandu kariga uffiċjali importanti f’din l-organizzazzjoni. “George wera kemm-il darba l-ħiliet eċċezzjonali tiegħu kemm bħala atleta eċċellenti kif ukoll bħala persuna eżemplari. L-MPC tapprezza l-mod kif fl-aħħar ġimgħat, l-MAAA flimkien mal-MPC, qed tiżviluppa l-Para-Atletika. Iż-żewġ entitajiet nazzjonali se jagħmlu l-almu tagħhom biex ikomplu jaħdmu flimkien biex jappoġġjaw lill-paratleti Maltin fl-isforzi tagħhom biex jitħarrġu u jikkompetu fl-ogħla livelli.”
//= $special ?>