Mara ta’ 42 sena residenti l-Imqabba, qiegħda tingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi gravi li sofriet f’inċident tat-traffiku li seħħ dalgħodu għall-ħabta tad-disgħa u għaxra fi Triq Ħal Farruġ, l-Imqabba.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li l-mara tilfet il-kontroll tal-vettura tal-għamla Toyota Passo li kienet qiegħda ssuq, bil-konsegwenza li
ħabtet f’arblu u f’ħajt.
Il-mara ngħatat l-ewwel għajnuna minn tim mediku u wara ttieħdet b’ambulanza l-Isptar Mater Dei. Hemmhekk, hija ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
//= $special ?>