Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale ċaħdet it-talba li għamel l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, biex tiddikjara nulla u bla effett id-deċiżjoni tal-Kabinett meta kienet miċħuda t-talba tal-imprenditur għall-maħfra presidenzjali.
Fid-29 ta’ Novembru li għadda, Fenech kien fetaħ rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex il-Qorti tħassar id-deċiżjoni tal-Kabinett. Dan sabiex it-talba tiegħu għall-maħfra Presidenzjali terġa’ tiġi kkunsidrata.
Yorgen Fenech kien fetaħ dawn il-proċeduri kontra l-Avukat Ġenerali, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministri Chris Fearne, Evarist Bartolo, Jose’ Herrera, Michael Falzon, Edward Scicluna, Carmelo Abela, Michael Farrugia, Owen Bonnici, Edward Zammit Lewis, Ian Borg, l-eks Ministri Justyne Caruana u Joe Mizzi, kif ukoll kontra l-Kummissarju tal-Pulizija.
Yorgen Fenech kien ħass li nkiser id-dritt tiegħu ta’ smigħ xieraq għat-talba għall-maħfra Presidenzjali u li l-integrità tal-investigazzjoni ġiet serjament ippreġudikata meta kellu jitlob lil ex-Prim Ministru Joseph Muscat għall-proklama, li skont hu kien il-persuna li “għażel, ħatar u ddefenda għal snin twal” lil Keith Schembri.
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ddikjarat ir-rikors minn Yorgen Fenech bħala null, u ċaħad it-talbiet tiegħu.
Ftit tal-jiem ilu ġie żvelat illi Yorgen Fenech kien lest jiżvela kollox dwar l-iskandlu tat-turbini fil-Montenegro lura fis-26 ta’ Novembru – jumejn qabel il-laqgħa tal-kabinett storika tul il-lejl fil-qalbha ta’ Kastilja.
Jirriżulta wkoll li Fenech ried jikxef informazzjoni sensittiva dwar allegati tranżazzjonijiet li għaddew lejn Hong Kong.
//= $special ?>