Tottenham kisbu rebħa importanti fit-taqtigħa li jiksbu post fl-Europa League. F’St. James’ Park għelbu lil Newcastle 3-1, f’dik li kienet l-ewwel rebħa ta’ Josè Mourinho f’dan l-istadium fil-Premier League. Heung-Min Son fetaħ l-iskor għal Tottenham fis-27 minuta b’xutt fil-baxx fuq l-ewwel lasta wara li rċieva mingħand Giovani Lo Celso.
Newcastle ġabu d-draw fis-56 minuta b’xutt djagonali mill-isbaħ ta’ Matt Ritchie iżda Tottenham reġgħu marru fil-vantaġġ erba’ minuti wara. Is-sostitut Steven Bergwijn pinġa kross lejn Harry Kane li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Martin Dubravka u skorja l-200 gowl fil-karriera. L-istess Kane aċċerta t-tliet punti għal Tottenham fid-90 b’daqqa ta’ ras oħra wara li Dubravka kien salva parzjalment ix-xutt ta’ Erik Lamela.
Bournemouth huma pass eqreb li jkunu relegati wara li kienu megħluba 2-1 fl-Etihad Stadium kontra Manchester City. Il-veteran David Silva fetaħ l-iskor fis-sitt minuta minn free-kick preċiż biex Gabriel Jesus irdoppja fid-39 minuta b’azzjoni personali. Bournemouth naqqsu d-distakk fit-88 minuta b’gowl ta’ David Brooks wara passaġġ ta’ Callum Wilson.
Wolves sofrew daqqa ta’ ħarta fl-aspirazzjonijiet li jiksbu post fil-UEFA Champions League bi draw ta’ 1-1 f’Turf Moor kontra Burnley. Kien il-penalty ta’ Chris Wood fis-96 minuta li ċaħħad lil Wolves minn rebħa wara li Raul Jimenez kien skorja ġmiel ta’ gowl fis-76 minuta.
//= $special ?>