Sport Waterpolo

San Ġiljan itemmu l-ewwel fażi tal-Enemed Cup b’punti massimi … rebħiet ukoll għal Exiles u Sliema

(Ritratt: Matthew Tabone)

Stewart Said

San Ġiljan TUM Invest għalqu l-ewwel fażi tat-tielet edizzjoni tal-Enemed Cup fil-quċċata u b’punti massimi. Fir-ritorn tal-waterpolo wara li l-isport kellu jieqaf minħabba l-Covid-19, il-Ġiljaniżi rebħu d-derby tal-Balluta kontra Neptunes quddiem attendenza sabiħa. B’din ir-rebħa, San Ġiljan jilagħbu fis-semifinali tal-play-offs kontra Sirens tal-eks kowċ Marko Orlovic.

San Ġiljan taħt it-tmexxija tal-kowċ Dorian Pisani, għarfu jirkupraw minn bidu kajman u wara li skorjaw gowls konsekuttivi minn Darren Zammit, Ben Plumpton u Jake Bonavia kkontrollaw il-logħba. Bin-nuqqas ta’ plejers barranin li se jkun assenti għal dan is-sajf, kif ukoll bin-nuqqas tal-imweġġa’ Jordan Camilleri, l-iskwadra ta’ Neptunes hi ftit qasira u tagħmilha aktar diffiċli għall-kowċ Jovan Popovic biex ikollu skwadra li tissielet f’mument diffiċli. Il-vantaġġ ta’ San Ġiljan kompla jiżdied gradwalment, bit-tama ta’ Neptunes li jirkupraw intemmet meta fl-aħħar sessjoni t-tim ta’ Pisani skorja tliet gowls konsekuttivi.

Exiles temmew l-ewwel fażi fit-tieni post b’rebħa missielta ta’ 6-5 kontra Sirens Mecca Marin. Il-gowl rebbieħ għat-tim ta’ Igor Vukanovic wasal fl-aħħar minuta permezz tax-xellugi tagħhom Mark Fenech. Determinanti għal Sirens kien il-bidu negattiv li kellhom. Huma qatt ma kienu fil-vantaġġ fil-logħba għalkemm daħlu fil-logħba fit-tielet sessjoni. F’dan il-perjodu, Sirens skorjaw tliet gowls konsekuttivi permezz ta’ Ken Erdogan u doppjetta ta’ Jake Ciantar. Fl-aħħar sessjoni, Matthias Azzopardi ġab id-draw u f’mumenti dehru li setgħu anki jirbħu l-logħba. Dan sakemm Mark Fenech għeleb liż-żagħżugħ Gianni Galea Curmi b’konklużjoni minn pożizzjoni ċentrali.

Fl-ewwel logħba tal-ġurnata, Sliema Frank Salt għelbu kif mistenni lil Marsaskala Fish and Fish 20-4. Id-differffenza bejn iż-żewġ timijiet kienet evidenti mill-bidu u ma kinitx sorpriża li s-Slimiżi temmew l-ewwel sessjoni 7-1, b’Michael Spiteri Staines u Jacob Sciberras jiskorjaw doppjetta kull wieħed. Fit-tieni sessjoni, Sliema skorjaw erba’ darbiet minn erba’ plejers differenti u fit-tielet sessjoni skorjaw erba’ darbiet oħra iżda mingħajr risposta biex bdew l-aħħar sessjoni 15-2. Kif għamel tul il-logħba, il-kowċ ta’ Sliema Sergio Afric għamel ir-rotazzjoni fl-iskwadra iżda xorta baqgħu fil-kmand tal-logħba mingħajr diffikultà għal rebħa aktar minn mistħoqqa.

SLIEMA FRANK SALT……………….. 20

MARSASKALA FISH AND FISH….. 4

(7-1), (4-1), (4-0), (5-2)

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (3), L. Galea, J. Sciberras (3), M. Meli (3), B. Cachia (2), M. Spiteri Staines (3), N. Saliba, J. Brownrigg (3), J. Gambin, Z. Mizzi (1), N. Bugelli (2), A. Theuma, M. Carani, R. Greco

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), A. Camenzuli (1), D. Camilleri, M. Aquilina (1), L. Grixti, K. Navarro, M. Manara, N. Gatt, J. Culic (1), R. Attard, J. Erdogan, A. Muscat

Referees: Ronnie Spiteri, Alex de Raffaele

SIRENS MECCA MARIN………… 5

EXILES……………………………….. 6

(1-2), (0-3), (3-0), (1-1)

Sirens: G. Galea Curmi, J. Ciantar (2), K. Erdogan (1), G. Melillo (1), J. Zerafa Gregory, G. Farrugia, L. Falzon, I. Riolo, J. Napier, G. Sammut, M. Azzopardi (1), M. Sciberras, M. Cutajar, L. Grech Carr, M. Chircop

Exiles: M. Castillo, J. Bajada, A. Magri, P. Paris, T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti (1), N. Paris (2), A. Cousin (1), S. Apap, M. Martin, I. Schembri

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari

NEPTUNES ………………………… 7

SAN ĠILJAN TUM INVEST…… 13

(2-1), (2-6), (2-3), (1-3)

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat, L. Calleja, G. Pace (1), S. Busuttil, J. Spiteri Staines (1), S. Camilleri (2), J. Farrugia, J. Abela (1), N. Zammit (1), M. Castillo, S. Stellini, B. Busuttil, S. Gialanze, A. Fenech (1)

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea (1), B. Grech, M. Mannino (1), M. Zammit (3), B. Plumpton (1), J. Bonavia (1), Z. Micallef, Da. Zammit (2), P. Fava, Di. Zammit (3), G. Vassallo, M. Ortoleva (1), K. Magri

Referees: Mario Dalli, Ronnie Spiteri

Logħob li jmiss

Il-Ġimgħa

Play-offs – Semifinali: San Ġiljan v Sirens 6.15pm, Exiles v Sliema 7.30pm

Il-Ħadd: 3/4 post 6.00pm, Finali 7.15pm