“Jaqtawlek l-aċċess, jiżolawk u tispiċċa tiġġieled waħdek, hekk qed jiġri hawn Malta”.
Kienet din ix-xhieda li wassal Victor Borg hekk kif kompliet l-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Borg huwa ġurnalist investigattiv ta’ 48 sena li għamel 17-il sena jaħdem barra minn Malta fosthom l-Ingilterra u ċ-Ċina filwaqt li x-xogħol tiegħu kien ippublikat madwar id-dinja.
5 snin ilu ġie lura Malta u fl-2017 wara l-assassinju ta’ Daphne Carauana Galizia beda bil-ħidma ġurnalistika investigattiva.
Fix-xhieda tiegħu huwa qal li l-bord sema’ x’ġara qabel il-qtil u hu xtaq jitkellem dwar x’mhux isir bħalissa.
Il-ġurnalista ta numru ta’ eżempji biex juri kif dak li joħroġ mill-ġurnaliżmu investigattiv mhux qed jiġi investigat kif suppost mill-awtoritajiet konċernati.
Borg stqarr li darba minnhom kien ċempillu Nigel Vella minn Kastilja u talbu biex ma jippublikax storja investigattiva partikolari dwar il-COVID. Hu qal li Vella kien qallu li jekk ma jismax minnhom kienu se jibdew jinjorawh.
Borg kompla jgħid li l-ġurnalisti mhux imħallsin biżejjed. Hu saħaq li hawn ġurnalisti li qed jiġu iżolati b’ħalqhom magħluqa. Dan filwaqt li saqsa x’jista’ jagħmel l-istat biex issaħħaħ il-ġurnalizmu għax dan mhux isir.
Din l-inkjesta pubblika hija mmexxija mill-Imħallef irtirat Michael Mallia, l-ex-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru għall-familja Caruana Galizia.
Intant, is-seduta ġiet diferita għall-Ġimgħa li ġej fid-9:30am fejn mistenni jixhed l-eks Kap tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni ta’ Kastilja, illum CEO ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia.
Il-ġimgħa d-dieħla se jagħtu x-xhieda tagħhom l-MEP David Casa kif ukoll ġurnalista Franċiża li talbet biex tiġi Malta għal tal-apposta biex tgħid dak li taf.