Lokali Qorti

Tkompli l-kumpilazzjoni; Kien jaf li bintu kienet f’relazzjoni

Charlene Farrugia kienet ilha rrapportata nieqsa minn missierha 11-il sena… U kien biss is-sena l-oħra meta instabu l-fdalijiet tagħha fis-sur fil-Belt, l-għada li missierha kien mar pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa mal-Arċipriet ta’ Ħaż Żebbuġ.

Kienet din ix-xhieda ta’ missier il-vittma John Farrugia hekk kif fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Charlene Farrugia… li tiegħu qed jiġi akkużat John Paul Woods. Farrugia xehed permezz ta’ video conferencing quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia.

Missier il-vittma stqarr li rċieva l-aħbar li kienu nstabu l-fdalijiet ta bintu meta kien fi triqtu lura lejn Malta.

Fil-qorti, hareg illi darba… bintu kienet infurmatu li hi u s-sieħeb tagħha Jonathan Attard kienu arrestati. It-tfajla u Attard kienu jgħixu flimkien  f’appartament f’Buġibba u kienet ukoll tieħu ħsieb lil uliedu.

Mistoqsi mill-avukat difensur Roberta Bonello jekk dak iż-żmien kienx jaf li bintu qiegħda f’relazzjoni ma’ Attard, Farrugia wieġeb li hu saħansitra kien jidħol id-dar taghhom.

Mistoqsi mid-difiża jekk kienx jaf dwar oħt Jonathan, Abigail u Jesmond Cassar magħruf bħala t-Tito, missier il-vittma saħaq li lil Abigail kien jafha għax kienet issemmiha bintu… Dan filwaqt li qatt ma kien sema bit-Tito sakemm sar ir-rapport tal-għejbien fl-għassa tal-Qawra.

Fis-seduta ta’ qabel kien hareg illi John Woods semma lit-Tito f’wiehed mill-istatements li ta fid-Depot. Dan ir-ragel kien is-suspettat li kellha l-Pulizija lura fl-2008.  

Fil-Qorti, John Farrugia irrakkonta x’seħħ f’dawk il-granet meta ma setghux isibu lil bintu. Hu qal li kien mar ifittex lil Charlene Farrugia flimkien ma’ martu wara li kienet dehret l-aħħar viċin ħanut tal-merċa fil-Qawra. Lanqas il-karozza tagħha ma setgħu isibu.

Farrugia irrakkonta wkoll kif kawża tal-għibien ta’ binthom, saħħet martu bdiet sejra lura.

Id-difiża, immexxija mill-avukat Bonello, staqsiet dwar l-aġir tat-Tito meta kienu fil-garaxx fejn Charlene Farrugia kienet iżżomm il-karozza. Missier il-vittma, li tiegħu kien il-garaxx, wieġeb li ddejjaq xi ftit minnhu għaliex ġie deskritt bħala raġel maħmuġ.