Il-Fondazzjoni Save A Life u l-Għaqda Festi Esterni SsmaTrinita fil-Marsa qed jimbarkaw fuq proġett ta’ kollaborazzjoni fil-komunità Marsija permezz tal-iżvilupp ta’ ċentru li se jipprovdi taħriġ u preparazzjoni lit-tfal u żgħażagħ f’aspetti marbutin ma’ snajja’ u ħiliet fil-qasam tal-artiġjanat.
“Dan il-Proġett huwa wieħed minn tal-ewwel fix-xorta tiegħu għaliex se jġib flimkien għalliema tal-artiġjanat u tfal u żgħażagħ li għandhom interess li jitgħallmu dawn il-ħiliet li jsaħħu l-identità tal-komunitajiet tagħna” qal id-Deputat Claudio Grech, Chairperson u Fundaturtal-Fondazzjoni Save A Life waqt l-iffirmar tal-ftehim tal-proġett li sar fis-sede tal-Għaqda fil-Marsa.
Il-proġett, li issa jinsab fi stadju avvanzat, se jipprovdi faċilità fil-komunità tal-Marsa u se jipprovdi mhux biss il-bini fejn jista’ jsir dan ix-xogħol iżda wkoll it-taħriġ speċjalizzat għat-tfal u ż-żgħażagħ li se jkunu qegħdin jipparteċipaw fihom. It-taħriġ se jkun jista’ jwassal biex l-istess studenti jkunu jistgħu joqogħdu għall-eżamijiet fil-ħiliet rispettivi. Il-Programm ser ikun miftuħ għat-tfal u żgħażagħ Marsin kif ukoll għal dawk mil-lokalitajet tal-madwar. Aspett innovvativ huwa li l-Programm se jkun estiż ukoll għat-tfal ta’ familji immigranti residenti fil-lokalità bil-għan li tingħata spinta lill-integrazzjoni ta’ dawn it-tfal fil-komunità.

“Dan il-proġett jiġbor fih ħafna mill-għanijiet li għalihom waqqafna l-Fondazzjoni Save A Life seba’ snin ilu. Se nibnu faċilità li se tkun permanenti fil-komunità, se noħolqu inizjattivi ta’ taħriġ għat-tfal u ż-żgħażagħ u se nagħmlu l-ewwel passi biex nimbuttaw sforz ta’ integrazzjoni tat-tfal ta’ immigranti f’dinil-lokalita. Aħna kburin li qed naħdmu ma’ din l-Għaqda li tiġbor fiha ħafna nies li jagħtu kontribut enormi lill-komunità Marsija. Din hija r-risposta li rridu nagħtu għall-isfidi soċjali li għandna quddiemna” żied jgħid Claudio Grech.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Għaqda, James Attard qal li dan il-ftehim huwa eżempju ta’ kif żewġ għaqdiet jistgħu jikkollaboraw biex flimkien jagħmlu proġetti li minnhom tgawdi s-soċjetà. Għalkemm l-għan tal-Għaqda Festi Esterni SSma. Trinità huwa dak li torganizza l-festa tas-SSma. Trinità fil-Marsa, din l-Għaqda dejjem rat kif tista’ tkun ta’ servizz għall-poplu tal-Marsa. B’dan il-ftehim, filwaqt li qed tassigura li jkollha maħżen fejn tista’ żżomm l-armar tal-festa, qed ukoll tkompli ssaħħaħ l-aspett soċjali tagħha u tgħin lit-tfal tal-Marsa u tal-madwar.
Il-Fondazzjoni Save A Life, li Claudio Grech waqqaf flimkien mal-mara tiegħu Charmaine fl-2013, għandha l-għan li b’mod attiv tgħin lil komunitajiet u organizzazzjonijiet fil-loktalitajiet tal-ewwel distrett biex permezz tal-ħidma tagħhom joffru spazju u jipprovd uinizzjattivi immirati għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lokalitajiet fejn joperaw. B’kollox saru għaxar proġetti, u li minnhom qed igawdu madwar elf tifel u tifla. Il-finanzjament prinċipali ta’ din il-Fondazzjoni ġej mill-Onorarja Parlamentari li Grech jieħu bħala Membru Parlamentari kif ukoll minn għajnuna oħra f’dawn il-proġetti.
//= $special ?>
