Ewropa Lokali

30 sena mill-applikazzjoni ta’ pajjiżna għal sħubija fl-UE

Viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li poġġiet lil pajjiżna fil-qalba tal-familja Ewropea

Għal ħafna Maltin u Għawdxin, iċ-ċittadinanza Ewropea tagħna hi xi ħaġa li twieldu biha, jew li jiftakruha minn dejjem. Iżda sa 30 sena ilu, din iċ-ċittadinanza kienet biss ħolma, u t-triq biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea kellha tkun waħda twila u b’ħafna skossi.

Storikament, kruċjali biex pajjiżna jsib postu fil-familja naturali tiegħu kienu l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami u dak li kien qed iservi bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin Guido de Marco, li kien propju hu li ffirma l-applikazzjoni għas-sħubija ta’ pajjiżna fil-blokk Ewropew lura fl-1990.

Ritratt: eddiefenechadami.org

Il-proċess kien beda, u fl-1994 fi Strasbourg, il-Parlament Ewropew ta appoġġ qawwi lil Malta biex tissieħeb. Sena wara, l-UE tat ċertifikat lil pajjiżna meta stqarret li ma kien hemm l-ebda problema ekonomika li tista’ xxekkel lil Malta milli tissieħeb.

Madankollu, minkejja l-entużjażmu u r-rieda soda li kellu minn dejjem il-Partit Nazzjonalista dwar dan, il-Partit Laburista sa mill-bidu nett wera ruħu kontra li Malta tkun tagħmel parti minn din il-familja u oppona din is-sħubija bis-saħħa..

L-oppożizzjoni għas-sħubija laħqet il-qofol tagħha fl-1996 meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni, u l-Prim Ministru Alfred Sant iffriża l-applikazzjoni ta’ pajjiżna.

Iżda f’inqas minn sentejn il-Labour reġa’ sab ruħu fl-Oppożizzjoni, u l-Gvern Nazzjonalista reġa’ rriattiva l-applikazzjoni.

Ir-reżistenza tal-Labour madankollu ma qatgħet xejn, u fuq quddiem f’din il-battlja biex Malta tibqa’ barra kien hemm Joseph Muscat; dak iż-żmien attivist żagħżugħ li meta tħabbar referendum dwar is-sħubija, kien saħaq li wieħed għandu jew jivvota le, jew iħassar il-vot jew ma jivvutax.

Kien fit-8 ta’ Marzu tal-2003 meta l-poplu Malti u Għawdxi tkellem ċar. Ried jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Sħubija li sehhet fl-1 ta’ Mejju tal-2004.

Minn dakinhar pajjiżna gawda ħafna. Programmi ta’ studju, skambji edukattivi, investiment fi proġetti kbar u miljuni fi flus għall-gid tal-poplu kollu, bl-aħħar pakkett ta’ fondi għall-pajjiżna nnegozzjat mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi jkun ta’ 1.2 biljun Ewro jew aktar minn elf miljun, li sal-ġurnata tal-lum qed jintużaw mill-Gvern Laburista biex jagħmel proġetti ta’ restawr, infrastruttura u toroq.