Internazzjonali

Covid-19: Ibassar li l-Istati Uniti jkollha l-vaċċin sal-aħħar tas-sena

It-tabib Anthony Fauci, l-espert ewlieni tal-Istati Uniti dwar il-mard li jittieħed, qed ibassar li l-pajjiż għandu jkollu vaċċin effettiv għal kontra l-Covid-19 sal-aħħar tas-sena.

Il-kliem ta’ Fauci qed iżid mal-aspettativa ġenerali – u s-sinjali pożittivi – dwar il-vjabbiltà ta’ vaċċin għal kontra l-coronavirus li qed tipproduċi l-kumpanija tal-farmaċewtika, Moderna.

Anthony Fauci qal li qed ‘iħossu tajjeb dwar il-programm u l-mod kif qed jiżviluppa’. Sadanittant, hu spjega li ‘mhux inkwetat’ dwar l-idea li ċ-Ċina tista’ tirbaħ it-tellieqa għall-vaċċin.

L-espert mediku, għaldaqstant, spjega li f’din is-sitwazzjoni, il-pajjiżi kollha għandhom direzzjoni u għan komuni – f’dan il-każ li l-vaċċin jinkiseb.

Hu, fl-istess ħin, ma jaħsibx li jista’ ikun hemm sitwazzjoni fejn ‘iċ-Ċina tikseb il-vaċċin fi żmien ħafna qabel l-Istati Uniti.’

Fl-istess ħin, ix-xjenzati jaqblu li għad fadal il-mistoqsijiet dwar il-coronavirus – b’mod partikulari kemm għandha ddum ir-reżistenza (immune response) tal-ġisem ladarba jkun stimolat minn vaċċin għal kontra l-Covid-19.