Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Ir-Re ta’ Spanja jmexxi avveniment ta’ tifkira għall-vittmi tal-Covid-19

Ir-Re Spanjol Felipe mexxa avveniment solenni – fuq livell ta’ Stat – li radd ġieħ u rispett lill-vittmi (28,400 fuq bażi nazzjonali)  tal-pandemija tal-Covid-19, kif ukoll lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa li jinsabu fuq quddiemnett fil-battalja kontra l-firxa tal-virus qattiel.

Numru ta’ politiċi Spanjoli flimkien ma’ Kapijiet tal-Istat mill-Unjoni Ewropea attendew għall-avveniment li sar fil-Palazz Irjali ta’ Madrid. Dan meta Spanja għadha qed tistejqer minn waħda mill-agħar kriżijiet fl-istorja moderna tagħha u fejn spiċċat fost l-agħar pajjiżi Ewropej affettwati mill-coronavirus.

Iċ-ċerimonja solenni saret ukoll waqt li feġġ l-aħbar li l-ħaddiema tas-saħħa fir-reġjun ta’ Katalonja jistgħu ‘ma jikkontrollawx’ inċidenza oħra tal-Covid-19 li qed tiżviluppa. Ir-residenti fil-belt ta’ Lleida qed ikunu ordnati biex jibqgħu d-dar meta mijiet tal-każi ġodda qed ikunu rappurtati madwar ir-reġjun, Dan waqt li l-kap tas-servizzi tal-ambulanzi fi sptar ta’ Barċellona stqarr mal-gazzetta El Pais li ‘hu u l-kollegi kienu viċin il-kroll f’dawn iċ-ċirkustanzi’.

Intant, mal-400 parateċipant kienu preżenti għaċ-ċerimonja fil-Palazz ta’ Madrid fost il-ħarsien assolut tal-kriterji għal distanzi soċjali. Fl-avveniment saru numru ta’ diskorsi fejn il-kelliema rreferew għall-virus bħala ‘infezzjoni krudili, qattiela u distruttiva li, fost oħrajn, qalbet il-ħajja tal-qraba tal-vittmi ta’ taħt fuq’.

It-tislima lill-vittmi tal-coronavirus fakkret ukoll meta s-sistema għall-kura tas-saħħa fi Spanja, f’Marzu u April, bil-kemm setgħet tlaħħaq mal-ammonti tal-infezzjonijiet li kienu qed jirrankaw minn ħin għall-ieħor.

U għalkemm Spanja ilha l-ġimgħat li neħħiet il-kundizzjonijiet stretti tal-lockdown, il-pajjiż kollu għadu kawt u attent għall-iżviluppi ġodda – bl-inċidenza rappurtata f’Katalonja qed tħasseb sew lill-awtoritajiet lokali.

Hemm ukoll inċidenzi ġodda oħra – relattivament żgħar – tal-Covid-19 madwar Spanja u partikularment f’Katalonja. Dan meta z-zona ta’ Segria għaddiet minn lockdown ġdid, bir-restrizzjonijiet rakkomandati jkunu implimentati fil-belt ta’ L’Hospitalet de Llobregat, fejn is-servizzi tas-saħħa lokali mill-ġdid spiċċaw taħt pressjoni.