Lokali

Emendi Kostituzzjonali: “Il-Gvern qed jipprova jgħaddi lil kulħadd minn għajn il-labra” – PN

L-Oppożizzjoni ivvotat kontra erba’ abbozzi ta’ liġijiet li jemendaw il-Kostituzzjoni dwar il-ħatra tal-President, kif jiġu maħtura u mneħħija l-Ġudikanti u dwar il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għar-Riformi Kostituzzjonali Chris Said, l-Oppożizzjoni vvutat kontra għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hi li l-Gvern kellu jippubblika u jikkonsulta dwar sitt abbozzi oħra li sal-lum għadhom ma ġewx ippubblikati u mgħoddija lill-Oppożizzjoni minkejja li l-Gvern diġà għadda l-ewwel qari tagħhom fil-Parlament.

L-Oppożizzjoni kienet ċara mill-bidunett li dawn l-emendi fil-Kostituzzjoni u liġijiet oħra li qed isiru konsegwenza tar-rapport tal- Venice Commission għandhom isiru f’pakkett wieħed u mhux kif jaqbel lill-Gvern li jgħaddi l-ewwel fejn għandu bżonn il-vot tal Oppożizzjoni u wara jirrombla minn fuq kulħadd b’liġijiet oħra li m’għandux bżonn il-vot tal-Oppożizzjoni.


It-tieni raguni għalkemm l-abbozzi illi ttieħed il-vot fuqhom illum huma titjib fuq is-sitwazzjoni preżenti xorta waħda fadal punti importanti li l-Oppożizzjoni tinsisti li għandhom jiġu nklużi, liema punti jinkludu li għall-ebda raġuni l-Prim Imħallef u l-President ma jkunu jistgħu jiġu maħtura b’maġġoranza sempliċi tal-Parlament.  L-Oppozizzjoni għandha wkoll riservi dwar it-tneħħija tal-Parlament mill-proċess tat-tneħħija tal-Ġudikanti.


L-istqarrija tkompli li l-Oppożizzjoni għamlitha ċara waqt id-diskussjoni li kien hemm fl-aħħar jiem fil-Parlament li hija disposta li tkompli tipprova tipperswadi lill-Gvern biex isiru dawn it-tibdiliet.  L-Oppozizzjoni hija lesta li jekk dawn it-tibdiliet jiġu aċċettati u l-Gvern jippubblika l-abbozzi li fadal u jikkonsulta dwarhom mal-Oppożizzjoni, allura fl-istadju tat-tielet qari, l-Oppożizzjoni tkun f’pożizzjoni li tivvota favur dawn l-emendi Kostituzzjonali.