Festi Knisja Lokali

Iċċelebrata s-Solennità ta’ Sidtna Marija tal-Karmelu

“Id-dinja għandha bżonn issib direzzjoni ġusta”.

Dan saħqu l-Kanonku Dun Joe Zammit hekk kif indirizza lil numru kbir ta’ devoti tal-labtu u terzjarji Karmelitani li ħonqu l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta, f’jum is-solenittà tal-Festa, iċċelebrata fis-16 ta’ Lulju – waqt il-quddiesa solenni tal-festa.

Il-Quddiesa li għaliha attenda wkoll il-President tar-Repubblika, George Vella, flimkien mas-Sinjura tiegħu – kienet iċċelebrata mill-Provinċjal Patri Joseph Saliba flimkien mal-Patrijiet Karmelitani f’Malta filwaqt li Kanonku Dun Joe Zammit niseġ il-paniġierku.

Dun Zammit sostna li s-soċjetà qed toħloq allat oħra bħal flus u l-pjaċir fieraħ …u għalhekk aħna f’li aħna, fejn il-biżà tal-futur qed ixxekkilna.

Ritratt: Martin Agius

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-festa Solenni ċċelebrata mill-Provinċja Karmelitana Maltija għal din is-sena hija waħda b’differenza – kemm minħabba l-programm ristrett kawża tal-pandemija tal-Covid-19 iżda wkoll minħabba li s-sena 2020 tfisser ħafna għas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.

Dan l-għaliex din is-sena qed jiġi ċċelebrat il-125 sena minn meta Papa Ljun XIII ta d-dinjità ta’ Bażilika Minuri lil dan is-Santwarju kif ukoll qed jiġi ċċelebrat l-450 sena mill-miġja tal-Patrijiet Karmelitani mill-ewwel kunvent tagħhom tal-Lunzjata fil-belt.

Il-Pirjol u Rettur tas-Santwarju, Patri Alex Scerri, saħaq li minkejja li din il-festa ġiet ċċelebrata b’mod differenti kawża tal-pandemija, ir-restrizzjonijiet xorta waħda ma jnaqqsu xejn mill-imħabba u d-devozzjoni lejn Marija, Omm Tal-Karmelu.

Ritratt: Martin Agius