Lokali

Identifikat ir-raġel li tilef ħajtu fil-Bajja s-Sabiħa nhar il-Ħadd filgħodu

Ritratt: Facebook

Jismu Arun Louis ir-raġel li nhar il-Ħadd li għadda ttella’ bla ħajja mill-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa. Ir-raġel, li kellu 32 sena, kien jaħdem fil-fabbrika Elepac f’Bulebel bħala machine operator.

Mhux magħruf x’wassal biex Louis tilef ħajtu, iżda hu maħsub li hu kien mar għal għawma kmieni filgħodu.

Ir-raġel kien intlemaħ minn xi sajjieda li kienu fil-qrib qed jistadu, u li tellgħuh fuq l-art u ppruvaw anke jagħtuh l-ewwel għajnuna. Ftit wara fil-post waslu membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku li sfortunatament iċċertifika lil Louis mejjet fil-post.

Hu ttieħed bil-hearse miż-żona tal-inċident.

Dwar il-każ għaddejja inkjesta maġisterjali mmexxijja mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.