Xokkanti, anke jekk kienet miċħuda minn Melvin Theuma, dikjarazzjoni tad-difiża ta’ Yorgen Fenech, li tgħid li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar tħallas is-somma ta’ €30,000 biex ikun jista’ jirranġa sabiex Melvin Theuma jingħata l-proklama.
Sadanittant f’maratona ta’ aktar minn seba’ sigħat fil-Qorti kien hemm problema fuq recording partikolari li skont id-difiża jista’ jagħti żvolta lil dan il-każ u li dan jikkonferma li Melvin Theuma mhux qed jgħid il-verita kollha.
Diffikultà teknika ma ħallietx lill-Qorti tisma’ skont id-difiża punti mportanti bit-tensjoni tkompli tikber fl-awla. Dan meta d-difiża qalet li l-file ma jistax jinstab fuq il-laptop tal-Qorti u għalhekk din il-prova ma setgħetx tinstema’.
Il-Qorti qalet li l-aħjar prova għandha tiġi sottometta. Qalet li qabel ma jkomplu l-affarijiet għandha tisma’ lill-espert biex tara kif wettaq ix-xogħol tiegħu. Il-Qorti qalet li għalhekk qed tissospendi l-ħatra ta’ Alvin Cardona li ġie ingaġġat biex jagħmel optimisation tar-recordings.
Kien ordnat sabiex l-espert Alvin Cardona jerġa’ jagħmel estrazzjoni ta’ dejta kollha mill-hard drive sabiex tiġi esebita fl-atti tal-kawża. Dwar ir-recording li bdiet tagħmel referenza lejhom id-difiża se jinstemgħu minn fuq hard drive separata.
Il-ħin kompla jagħfas bil-Qorti tavża lil Lawrence Cutajar li mhux se jkun qed jixhed minħabba li kien tard wisq. Kompliet id-diskussjoni fuq ir-recordings bid-difiża tgħid li hemm id-diskrepanzi fir-recordings.
u hawn anke minn naħa tal-Avukat Ġenerali, li qal li dan mhux aċċettabbli.
L-Avukat Charles Mercieca, f’isem Yorgen Fenech qal li hemm files fil-kopja tal-espert li d-difiża lanqas biss għandha kopja tagħhom. L-Ispettur Keith Arnaud qal li l-Europol tista’ terġa’ tagħmel extraction tad-data.
L-Avukat Mercieca tenna li qed ikun kawt ħafna dwar x’qed jiġri u li l-Europol tħaddan l-interessi tal-Pulizija. Ħareġ li hemm żewġ batches ta’ recordings – batch mill-kaxxa tal-ġelati u batch ieħor li nstab fi Frar.
Arnaud qal li r-recordings li kienu fil-kaxxa tal-ġelati ġew eżebiti mill-espert tal-Qorti. Tenna li kienet skattat investigazzjoni meta nstabu r-recordings il-ġodda. Id-difiża qalet li hi għandha kopja tar-recordings li ġew eżebiti fil-Qorti
Sadanittant meta Melvin Theuma kien mistoqsi jekk kienx jaf bir-rejds imminenti tal-Pulizija, qal li huwa għamel minn kollox biex jikseb dawn id-dettalji, iżda dak li kien imwiegħed lilu ma ngħatax.
L-Avukat Gianluca Caruana Curran staqsa lil Melvin Theuma, “Mela ma kontx ippreparat għar-rejd?” Theuma jwieġeb. “Jiena kelli d-data iżda mhux il-post tar-rejds, kont tant mnikket dak iż-żmien, kelli tant f’moħħi.”
Caruana Curran, wara staqsa – “Kont taf dwar il-maħfra? B’Theuma jwieġeb: “Dażgur li le.” Caruana Curran jerġa’ jistaqsi: “X’jiġri jekk ngħidlek li “Il-Ġojja” ħallas € 30,000 lill-Kummissarju tal-Pulizija?”
Theuma: “Dak mhux veru.” Id-difiża talbet lill-qorti biex tisma’ reġistrazzjoni partikolari, li diġà hija ppreżentata bħala prova. Din ir-reġistrazzjoni partikolari ma nstemgħetx fil-qorti, spjegaw l-avukati. “B’mod konvenjenti kompliet tgħid id-difiża, l-prosekuzzjoni qatt ma semmgħata fil-Qorti”.
Hawn it-tensjoni fl-awla kont taqtagħha b’sikkina hekk kif l-Avukati ta’ Yorgen Fenech komplew jimminaw il-kreddibilità ta’ Melvin Theuma. Id-difiża qalet li Theuma għandu jiġi mistoqsi dwar il-flus li allegatament għaddew għand l-eks kummissarju tal-pulizija b’rabta mal-maħfra presidenzjali tiegħu.
Meta mistoqsi fis-sessjoni preċedenti, Theuma kien qal li minbarra Yorgen Fenech hu kien irrekkordja lil Johann Cremona u lil ħadd iżjed meta fir-realtà kien jirrekordja lil xi ħadd ieħor, qalet id-difiża. “Il-prova tiegħu stess se turi li din tinsab. Għalhekk huwa fl-interess tal-ġustizzja li dawn it-tapes jinstemgħu llum,” qal l-Avukat Gianluca Caruana Curran.
Il-Maġistrat Montebello hawn talbet lil Theuma biex jikkonferma li hu kien irrekordja biss lil Cremona u Yorgen Fenech. “Iva,” huwa jwieġeb. Il-Maġistrat talbitu biex joħroġ mill-awla.
“Aħna se jkollna reġistrazzjoni waħda llum. Ma tistax tistenna li tiġi hawn u jkollok dan kollu f’seduta waħda,” kompliet il-Maġistrat. L-avukati tad-difiża jwieġbu: “Għandek raġun u aħna jiddispjaċina imma dawn it-tejps ħarġu reċentement u ħadna sorpriża aħna wkoll. U nistgħu nassiguraw li anke l-qorti se tkun sorpriża meta tismagħhom!”
Il-Qorti awtorizzat li jinstema’ r-recording filwaqt li qalet lid-difiża li kellhom jinfurmawha dwar dan qabel. L-Avukat Caruana Curran talab lill-Qorti biex Theuma jinżamm arrestat, kif spjegat ukoll l-Avukat Marion Camilleri, minħabba d-delikezza tar-recording.
L-Avukat Kathleen Grima li qed tassisti lil Melvin Theuma, qalet li filwaqt li m’għandiex dritt tintervjeni, hija kontra li l-klijent tagħha jinżamm appartat. Caruana Curran jgħid li xhud is-soltu ma jkollux avukat jassistih.
L-Avukat Carauna Curran qal li jridu jibdew jisimgħu r-recording mill-ewwel. Qal li l-avukati ta’ Theuma jafu jħarrġu lill-klijent tagħhom qabel il-kontro-eżami. L-Avukat Grima terġa’ tipprova tintervjeni. U l-Avukat Caruana Curran jerġa’ jfakkarha li m’għandiex dritt tagħmel dan.
Waqt dawn il-battibekki kollha ftit qabel Melvin Theuma kien intalab joħroġ mill-awla. Il-Maġistrat Montebello qalet li jekk xi ħadd fl-awla jirrekordja l-proċedimenti, il-persuna tinsab ħatja ta’ disprezz u tingħata kastig, hekk kif it-tensjoni tibqa’.
Il-Qorti qalet li minkejja li l-proċedimenti huma pubbliċi, dan ma jfissirx li jistgħu jiġu rrekordjati u hekk kif jinstema’ recording. Id-difiża tgħid li dan mhux il-file it-tajjeb. Hawn Theuma jerġa’ jiġi skortat barra u l-Maġistrat tidħol fis-sigrieta tagħha sakemm tissolva l-problema.
Ħareġ ukoll mix-xhieda ta’ Melvin Thuema li Yorgen Fenech bagħtu Kastilja biex jiltaqa’ ma’ Keith Schembri fuq dak li spiċċa mpieg għalih mhux mitlub. Skont Melvin Theuma, Yorgen Fenech tah struzzjonijiet biex huwa jgħaddi mill-bieb minn fejn jgħaddi l-Prim Ministru.
Sadanittant aktar kmieni fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, saret oġġezzjoni biex kopja tal-proklama mogħtija lil Melvin Theuma tiġi esibita fil-Qorti minħabba biża li din tista’ tippreġudika każijiet oħra li mhumiex relatati mal-każ ta’ Yorgen Fenech.
L-oġġezzjoni saret mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara talba mid-difiża hekk kif kien se jibda jsir il-kontr-eżami tal-Ispettur Keith Arnaud. Dan kollu meta kompliet l-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech mixli bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-Ispettur Keith Arnaud li kien l-ewwel xhud qal li fuq parir tal-Avukat Ġenerali huwa ma ġabx miegħu l-proklama li ngħatat lil Melvin Theuma. L-Avukat Charles Mercieca, li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran għamel talba biex tiġi esebita l-proklama mill-Ispettur Arnaud, qal li lanqas hu m’għandu kopja.
Id-difiża qalet li l-proklama dejjem ġiet preżentata f’każijiet oħra u dan biex Theuma jixhed abbażi tal-proklama, u din għax hija prova mportanti peress li x-xhud li jingħata l-proklama għandu jkun kontrollat.
Dr Philip Galea Farrugia, Deputat Avukat Ġenerali qal li d-dokument mhux se jiġi esebit apparti li huma m’għandhomx kopja awtentika u li jekk tiġi esebita jista; jippreġudika każijiet oħra.
L-Avukat Mercieca qal li dan l-oġġett tal-prova huwa mportanti għall- fini ta’ kontroll, u dan peress li Theuma xehed għal seba’ xhur sħaħ u rridu nkunu nafu xi tgħid din il-proklama.
L-avukat kompla jgħid li hu inkwetanti li xhud iddeċieda li ma jġibx l-evidenza miegħu. Jgħid li mhuwiex biss essenzjali għad-Difiża, imma anke biex jiċċekkjaw jekk ix-xhud huwiex jgħid il-verità.
L-Avukat Galea Farrugia qal li l-proklama mhijex prova u ma riedux li tiġi esebita għax dan huwa dokument tal-istat u mhux pubbliku. Id-difiża hawn qalet li l-Qorti Kostituzzjonali tkellmet b’mod differenti dwar dan u qalet li huwa mportant li proklama tiġi esebita għall-finijiet ta’ kontroll.
Issemma każ ieħor mid-difiża ta’ ċertu Martin Fenech fejn il-proklama ġiet esebita. Id-difiża qalet li jekk hemm affarijiet sensittivi jekk hemm bżonn tiġi żgumbrata l-awla.
“Jekk hemm biża li jiġu ppreġudikati xi dettalji, allura dan jinstema’ bil-magħluq. Kif nistgħu nistaqsu fuq il-proklama, meta ma nafux x’fiha, ” qalet id-difiża.
L-Avukat Galea Farrugia wieġeb billi qal li qatt ma tista’ tkun meħtieġa proklama għall-kontroll tax-xhud. Tenna li hemm diversi reati msemmija f’din il-maħfra li mhumex konessi mal-akkużi kontra Yorgen Fenech u għalhekk fiha tagħrif sensittiv dwar reati oħra.
Il-Qorti wara li semgħet lill-Ispettur Arnaud, għal finijiet ta din it-talba iddeċidiet li tisma’ ix-xhieda tal-Ispettur Arnaud bil-magħluq. Dwar jekk din il-proklama għandhiex tiġi preżentata, l-Maġistrat Rachel Montebello li quddiemha qed tinstema’ l-kumpilazzjoni qalet li tirriżerva li tipprovdi ulterjament fi stadju ieħor..
Minn naħa tiegħu l-Avukat Galea Farrugia qal li jekk il-Qorti f’xi stadju tiddeċiedi li din għandha tiġi esebita, għandu jesebiha xi ħadd mill-uffiċċju tal-President għax kopja awtentika lanqas huma m’għandhom.
Meta l-ġurnalisti setgħu jirritornaw lura fl-awla, l-Ispettur Arnaud kompla jwieġeb għad-domandi tad-difiża fejn dwar il-kuntatt li kellu l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ma’ Edwin Brincat, magħruf bħala “Il-Ġojja” u dan fuq ir-recordings ta’ Melvin Theuma, Arnaud qal li dwar dan hemm investigazzjonijiet għaddejjin.
Tenna li meta sar jaf li jaf kien hemm, hu informa lit-tim kollu. Mistoqsi dwar dan it-tim, Arnaud qal li dan huwa magħmul mill-Iskwadra tal-Omiċidji, li tikkonsisti mill-Ispettur Kurt Zahra, żewġ kuntistabbli oħra u madwar tmien uffiċjali mis-Servizz Sigriet.
Arnaud kompla jgħid li mill-informazzjoni li għandhom, saret laqgħa li fiha kien preżenti Lawrence Cutajar u meta kien mistoqsi fuq il-laqgħa tiegħu mal-‘Ġojja’, huwa ammetta mill-ewwel li din kienet saret.
Mistoqsi x’għamlu meta saru jafu li l-eks Kummissarju ltaqa’ mal-akbar ħabib ta’ Theuma, u jekk ittieħditx xi azzjoni Arnaud qal li ma kienx hemm x’wieħed jagħmel aktar.
Dwar id-data ta’ meta infurmaw lill-Maġistrat bil-laqgħa bejn Cutajar u l-‘Ġojja’, qal li kien hemm għadd ta’ laqgħat minn dawn li hu ma kienx preżenti jew li wasal tard għalihom. Madankollu kien preżenti għal-laqgħa meta l-Maġistrat ġiet infurmata bil-laqgħa bejn l-eks Kummissarju tal-Pulizija u l-akbar ħabib ta’ Melvin Theuma.
Dwar kemm il-darba Cutajar iltaqa’ mal-“Ġojja”, x-xhud qal li Cutajar qalilhom b’laqgħa waħda partikolari. Dwar jekk Arnaud bagħatx għal Cutajar wara li l-Qorti ordnat biex l-eks Kummissarju jibda jiġi investigat.
Arnaud qal li l-investigazzjoni ma ġietx assenjata lilu.
Ix-xhud qal li ma jafx min qed jinvestiga lill-eks Kummissarju Cutajar u saħaq li lil Melvin Thema ma kienx hu li arrestah, iżda l-Ispettur Nicholas Vella. Tenna li meta l-Ispettur Vella arresta lil Theuma, dan kellu kaxxa, u ried jitkellem ma’ Lawrence Cutajar, waħdu.
L-Ispettur qal li kien preżenti meta saru t-tfittxijiet imma mhux għall-arrest. Sostna li l-Ispettur Vella li informa lil Arnaud b’kaxxa li kellu Theuma. Dwar jekk kienx jaf x’kien hemm fil-kaxxa. Arnaud qal li assuma li recordings, peress li l-każ kien jiddependi minnhom.
Arnaud kompla jgħid li kien wara li ġie arrestat Theuma li huwa rah iżomm il-kaxxa. Theuma kien insista li l-kaxxa jrid jiftaħha quddiem il-Kummissarju waħdu jew quddiem Arnaud u l-Kummissarju u ħadd iżjed.
Dwar kemm il-darba bagħat għal Keith Schembri, x-xhud qal li dan kien ġie arrestat fis-26 ta’ Novembru u mbagħad ħareġ bil-bail. Tenna li kien ġie arrestat darbtejn u li f’ġurnata ttieħdulu bejn tlieta u erba’ stqarrijiet.
Arnaud qal ukoll li Keith Schembri kien fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fis-26 u fis-27 ta’ Novembru. L-ewwel darba kien hemm għal kważi 48 siegħa. Qal li l-interogazzjoni saret minnu u mill-Ispettur Kurt Zahra.
Dwar il-Europol, ix-xhud qal li dawn ma kinux preżenti waqt l-interrogazzjoni ta’ Keith Schembri. qal ukoll li waqt l-interogazzjoni huwa ma ħadlux il-mobile u lanqas jiftakar jekk staqsiehx kemm għandu mobiles.
Tenna li l-Europol ma kinux preżenti meta sar rejd fir-residenza ta’ Keith Schembri, għax kienu telqu. Arnaud qal li l-alternattiva kienet li jistennew sakemm huma jiġu lura biex jarrestaw lil Keith Schembri.
Dwar it-tfittxijiet li saru fid-dar ta’ Schembri, Arnaud qal li ħadulu l-laptop tiegħu. Tenna li l-investigazzjonijiet fil-konfront ta’ Keith Schembri għadhom għaddejjin u li huwa ma kkommunikax miegħu permezz ta’ terzi persuni.
Arnaud qal li lil Johan Cremona bagħtu għalih sitt darbiet. Dan kien f’Novembru li għadda. Mistoqsi meta kien l-aħħar li bagħat għalih, Arnaud qal li dan kien b’rabta ma’ recordings ġodda u li kien hemm DVD. Minkejja li kellmu, qal li Cremona qatt ma kien arrestat.
Fuq aktar mistoqsijiet tal-Avukat Mercieca, x-xhud qal li Cremona nżamm għal massimu ta’ tliet sigħat ta’ interogazzjoni. Huma semgħu r-recordings il-ġodda, il-partijiet imma li jikkonċernaw lil Cremona.
Ix-xhud qal li Cremona ntalab jispjega r-recordings fejn instema’ jitkellem hu w kien sema’ bejn disa’ u 10 recordings. Tenna li sa issa l-Qorti semgħet biss wieħed minnhom. Ikkonferma’ wkoll li Cremona kien sema’ dawn ir-recordings qabel ma xehed fil-Qorti.
Cremona kien jisma’ biċċa mit-tape, jispjega x’qed jingħad fiha, u dak li jgħid hu kien jinġabar bħala stqarrija. Mir-recordings li nstabu fuq il-hard drive, nstema’ wieħed biss fil-qorti. Qal li dawn ir-recordings li nstabu fil-kaxxa ta’ Melvin Theuma ġew esebiti fil-Qorti.
L-Avukat Mercieca staqsa lil Arnaud, min għandu kopja tar-recordings li ma ġewx esebiti fil-Qorti. Arnaud qal li l-parte civile m’għandhomx kopja, u lanqas l-Avukat Ġenerali, jekk jiftakar sew. Id-Difiża lanqas ma għandha kopja.
Ix-xhud kompla jgħid li r-recordings qed jiġu analizzati minn task force, li hi magħmula minn 12-il persuna, nkluż uħud mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi. L-Ispettur ġie mistoqsi dwar jekk il-pulizija ħadux il-mowbajl ta’ Cremona, bit-tweġiba ta’ Arnaud tkun fin-negattiv.
B’mod sarkastiku, l-Avukat Maercieca staqsieh, jekk ġralux bħal Keith Schembri, jiġifieri jekk kienx tilfu, b’Arnaud iwieġeb, “Le.” Hawn intervjena l-Avukat Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fejn oġġezzjona għall-mistoqsijiet ta’ l-Avukat Mercieca fuq Kenneth Camilleri, peress li l-investigazzjoni għadha għaddejja u dan jista’ jkun suġġett għal aktar investigazzjoni jew għal prosekuzzjoni.
Il-Qorti tgħid li mistoqsijiet ġeneriċi huma pertinenti u leġittimi għax ma tħossx li qed isir xi preġudizzju li jaf itellef lill-prosekuzzjoni. Ix-xhud fuq domanda oħra qal li Kenneth Camilleri ta’ Kastilja ma tħalliex jisma’ r-recordings.
Fuq it-Tabib Adrian Vella, li huwa t-tabib ta’ Keith Schembri u Yorgen Fenech, ix-xhud qal li dan ġie nterrogat tliet darbiet, darbtejn f’Novembru u darba f’Diċembru. L-Ispettur tenna li jekk jiftakar sew it-Tabib Vella ta tliet stqarrijiet lill-pulizija, li wara kien ġie arrestat u ngħata l-bail.
Wara xi battibekki bejn l-Avukat u x-xhud, Arnaud ikkonferma wkoll li l-investigazzjoni fuq it-tabib għadha għaddejja wkoll. Fuq għaliex ma ttieħidx il-mobile tat-tabib l-Ispettur Arnaud qal li ma kellhom l-ebda raġuni biex jagħmlu dan, u m’għadux qed jiġi investigat.
Hawn fuq aktar mistoqsijiet pertinenti tad-difiża, l-Qorti oġġezzjonat għal domanda li saret dwar meta beħsiebhom jintemmu l-investigazzjoni. Mistoqsi meta kienet l-aħħar darba li bagħtu għall-“Ġojja”.x-xhud qal li kien f’Novembru, madwar ħamest ijiem qabel hu xehed fil-qorti.
Daqstant viċin qal ix-xhud għax fil-bidu, Brincat ma riedx jitkellem. Allura ried jara jekk hux se jitkellem, u wara jipprepara l-mistoqsijiet li kien se jistaqsi fil-qorti skont x’jagħmel.
Dwar meta nstabu r-recordings il-ġodda, x-xhud qal li kien bejn Jannar u Frar ta’ din is-sena. Theuma qal, kien ħeġġiġhom jinvestigaw aktar. Qal kif wara seduta minnhom, Theuma kien staqsieh sabux aktar recordings. Meta Arnaud qallu li sabu biss tal-kaxxa, Theuma qalilhom biex ikomplu jinvestigaw. Arnaud hawn qal li huwa ħeġġeġ lit-tim tiegħu jkompli jinvestiga.
L-avukat Mercieca staqsa lix-xhud dwar jekk staqsewx lill-‘Ġojja’ kemm għandu mobiles, bix-xhud jgħid li ma jiftakarx sew, imma jaħseb li għandu tnejn. Sostna wkoll li lilu ttieħidlu xi apparat elettroniku u li dan jinsab għand l-Interpol għall-istħarriġ.
Dwar kil-preżenza tal-Europol huwa qal li dawn għandhom żewġ rwoli, bħala esperti tal-qorti u li jassistu lill-pulizija. Dwar domandi fuq l-eks Supretendent Raymond Aquilina, l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha, għax qalet li dan ma ssemmiex fix-xhieda li ta Arnaud.
Dwar kemm il-darba Arnaud kellem lil Keith Schembri fuq il-każ, ix-xhud qal li kellmu fuq il-każ darba f’Novembru, u darba kull ġimgħa qabel saru l-arresti, imbagħad f’April u Mejju tal-2018. Huwa qal li kien ukoll se jġib id-dati eżatti. Il-laqgħat kienu jkunu ma’ Joseph Muscat, u Schembri kien ikun preżenti.
L-avukat Mercieca staqsa jekk hux normali li jsiru talbiet għal laqgħat mal-Prim Ministru fuq investigazzjoni tal-pulizija. Arnaud qal li ma jafx min talab lil min għal laqgħa, kulma jafu hu li Valletta kien qallu biex imur miegħu.
Hawn Arnaud qal li dan kien l-unika każ li kellu li għalih kien ikun preżenti l-Prim Minisrru. Ix-xhud qal li din hija kwistjoni differenti. Fl-2018, il-laqgħat kienu marbutin mat-talba għall-maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat “Il-Koħħu”.
Arnaud xehed li t-talba għall-maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat kienet ġiet diskussa ma’ Joseph Muscat fil-ppreżenza ta’ Keith Schembri. Qal li l-Kummissarju Lawrence Cutajar ukoll kien ikun preżenti.
Hawn l-Avukat Mercieca kompla jkun iebes fid-domandi u hawn dwar il-maħfra presidenzjali, Arnaud sostna li jekk ikollok lil suspettat li lest jitkellem, għandek tkellmu, mhux tibqa’ fl-għama.
Id-difiża tistaqsi jekk intużatx l-istess proċedura fuq il-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma bħal ta’ dik ta’ Vince Muscat. L-Ispettur iwieġeb li ma ġewx diskussi bl-istess manjiera, imma madadankollu dwar dan hu ma kienx preżenti għall-ebda laqgħa fuq il-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma.
Ix-xhud iżda kkonferma li waħda mill-kundizzjonijiet hi li Theuma jgħid il-verità kollha u jekk jinqabad jigdeb,din il-maħfra tiġi revokata. Dwar min jista’ jneħħi l-maħfra Presidenzjali, ngħad li l-President biss għandu dan il-poter.
L-Avukat Mercieca staqsa lill-Ispettur, x’jiġri jekk jirriżulta li Melvin Theuma ħallas biex jingħata l-maħfra presidenzjali. Hawn il-Qorti qalet li din hija mistoqsija ipotetika, iżda l-Avukat baqa’ persistenti u staqsa lil Arnaud jekk jafx jekk kienx hemm xi flus involuti fl-għotja ta’ din il-maħfra. Arnaud jgħid li lil Theuma staqsewh dwar dan u hu wieġeb fin-negattiv.
Arnaud qal li hu kien parti mit-tim tal-pulizija li ħadu ħsieb il-maħfra presidenzjali u li taw rapport lill-Kummissarju bil-fehmiet tagħhom, imma ma kienx involut fid-deċiżjoni.
Ix-xhud qal li l-maħfra ngħatat wara li ġie arrestat Yorgen Fenech, Din ma ngħatatx biss fuq ir-recordings misjuba fil-kaxxa ta’ Theuma, imma kien hemm dokumenti oħra li wasslu għal dan fosthom screenshots.
Hawn il-kontro-eżami ta’ l-Ispettur Keith Arnaud ġie sospiż u wara beda jixhed Melvin Theuma. Il-mistoqsijiet minn naħa tad-difiża bdew isiru issa mill-Avukat Gianluca Caruana Curran u hawn il-mistoqsijiet mill-ewwel kienu diretti.
Bħal meta kien ġie arrestat min kien li pproponielu li għandu jitlob maħfra Presidenzjali. Melvin Theuma qal li kien arrestah l-Ispettur Nicholas Vella. Huwa kien qallu biex ċempel lil Arnaud peress xtaq li filgħaxija jkellmu.
Wara li għamlulu tfittxija ħaduh fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Qalilhom li xtaq jitkellem dwar l-investigazzjoni dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Qalulu li għalissa aħjar le għax kien għad m’għandux avukat. Beda l-proċess biex jinstab avukat. Qallu li kienu ċemplu lil ommu, b’referenza għad-Dottoressa Gianella de Marco, però kienet barra, ċempel lill-Avukati Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, u Simon Busuttil.
Wara ċempel lill-Avukat Matthew Brincat peress li kien jafu mill-Marsa. Dak il-ħin qal li kien talab għalll-preżenza tal-Maġistrat u anke tal-Kummissarju, imma an ma kienx hemm. Saħaq li ma kien qed jafda lil ħadd.
Ir-raġuni li huwa talab għal Keith Arnaud għax kien jaf li kien involut fl-investigazzjoni. Sostna li hu dejjem qal lil Fenech u lil Cremona li meta kienu se jmorru jħabbatulu il-pulizija d-dar, kien se jikxef kollox mill-ewwel.
Dwar il-maħfra qal li kien tkellem dwarha diversi drabi u anke kien tkellem fuq bejn 20 u 30 sena ħabs ma’ Johann Cremona u Yorgen Fenech.Qal li għadu ddispjaċut li daħal involut fl-omiċidju u ħadd ma jista’ jneħħillu dan ir-rimors. Dejjem qal dan id-diskors lil sieħbu Edwin Brincat, li kien jgħidlu li kien se jispiċċa l-ħabs u ma joħroġx minn hemm.
L-idea tal-maħfra ma kien tah parir fuqha ħadd biex jitlobha. Madankollu meta sema’ li Vince Muscat “Il-Koħħu” kien qed jitkellem mal-Pulizija, ħaseb bejnu u bejn ruħu li aħjar jitlobha. Kien semmiehilu Edwin Brincat u jaħseb li anke l-avukat.
Qal li waqt l-arrest ma kien hemm ebda ftehim bejn l-avukati tiegħu u Keith Arnaud, li qallu li kien se jressqu l-Qorti. Imbagħad jiftakar li l-Gvern ħareġ stqarrija, u hu ngħata karta u li staqsewh jekk iridx jiffirmaha, u hekk għamel.
Dwar l-implikazzjonijiet tal-maħfra, Theuma qal li kien konfuż. Ma kienx jaf x’inhi maħfra Presidenzjali jew kif taħdem. Ikkonferma li hu ta nformazzjoni dwar żewġ reati oħra li m’għandhomx x’jaqsmu mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dwar il-passat kriminali tiegħu Theuma qal li kien involut fil-logħob tal-ażżard illegali u li meya kien żgħir kien isellef il-flus. Qal li lilu nvestigawh fuq ħasil tal-flus u dwar il-qtil. Imma l-qtil kien l-agħar għalih, tenna li
ħadd ma jista’ jneħħih mill-kuxjenza tiegħu. Qal li jista’ jgħix 100 sena, jitqarben, u jqerr, imma xorta l-ħsieb jibqa’ hemm.
Dwar meta kien qabad jirrekordja lil Yorgen Fenech, qal li dan kien fl-2018. Tenna li meta beda jagħmel hekk ipprova jċempel lill-Avukat Jason Azzopardi. Dwar x’inhija maħfra, qal li huwa ried iserraħ moħħ kulħadd li spjegawlu x’inhi u issa jaf xi tfisser u li jrid jikxef dwar kollox u kulħadd.
Dwar meta qal x’kien għamel lil sieħbu Edwin Brincat “Il-Ġojja”, Theuma qal li dan kien irrabja li daħal fil-każ. Qal li ma kienx jaf li huwa kien jaf sew lil Lawrence Cutajar, jaf iżda li kien mar ikellmu fuq xi ċitazzjoni. Brincat kien jaf dwar ir-recordings u qallu wkoll li Lawrence Cutajar kien jaf bihom.
Ix-xhud qal li vera huwa kien semma darba lil Cutajar imma li ma kienx qed jgħid il-verita fuq. Fil-fatt skuża ruħu għax qal li żeffnu fin-nofs għalxejn. Qal li kien għamel l-istess fuq l-Imħallef Tonio Mizzi u wkoll skuża ruħu fil-konfront tiegħu.
Theuma qal li kien Yorgen Fenech li kien bagħatu biex jiltaqa’ ma’ Keith Schembri u li kien daħal mill-mill-bieb prinċipali, l-istess bieb li juża’ l-Prim Ministru. Qal li kien Fenech li qallu biex juża l-bieb prinċipali.
Qal li ma kienx talab għall-maħfra dak inhar, għax dak kien qabel il-qtil u kien għadu ma bediex itella’ u jniżżel biex joqtol lilu nniffsu dak il-mument. U saħaq li lil Cutajar kellmu biss meta ffirma l-maħfra.
Theuma ċaħad li tkellem ma’ Keith Schembri dwar il-qtil u nsista li minkejja li ħafna drabi semma ismu ma setax jinvolvih mal-qtil ta’ Caruana Galizia. “Qatt ma qalli li oqtol lil Daphne Caruana Galizia.”
Theuma żid jgħid li ltaqa ’ma’ Schembri fir-razzett ta ’Yorgen Fenech f’Ħaż-Żebbuġ u mbagħad f’Kastilja meta ngħata xogħol fantasma. Huwa mistoqsi jekk qatt tkellimx mas-sieħba tiegħu dwar Schembri, qal, “Ma naħsibx ta’.” Maġistrat: “Teskludih?” Theuma: “Jista ‘jkun li semmejt lil Schembri ma’ marti fir-rigward tal-każ iżda ma niftakarx.”
Yorgen Fenech qed iwieġeb mhux ħati li kien kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li ppomova jew iffinanzja attività jew organiżazzjoni kriminali biex iwettaq reat. Jekk jinstab ħati wara li jgħaddi ġuri, huwa jista’ jiġi kkundannat għal għomru l-ħabs.
Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru, 2017 viċin id-dar tagħha fil-Bidnija. Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, George Degiorgio, magħruf bħala iċ-Ċiniz u ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħalaa il-Fulu, huma akkużati li poġġew il-bomba taħt is-seat, in-naħa ta’ fejn hija ssuq.
L–Avukati Philip Galea Farrugia u Nadia Attard qegħdin jidhru f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Matthew Brincat u Kathleen Grima huma rappreżentanti ta’ Melvin Theuma.
Preżenti wkoll fl-awla hemm l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia f’isem il-familja Caruana Galizia filwaqt li-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud u Kurt Zahra. Il-kumpilazzjoni se tkompli l-Erbgħa 22 ta’ Lulju fid-9.30am. fl-istess ġurnata u ħin fejn se tkun qed tinstema’ l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia dakinhar.
//= $special ?>