Futbol Sport

Leicester jirritornaw għar-rebħ u Aston Villa jitilfu żewġ punti kruċjali lejn it-tmiem

(Ritratt: EPA)

Leicester irritornaw għar-rebħ wara t-telfa sorpriża li sofrew kontra Bournemouth fi tmiem il-ġimgħa meta għelbu lil Sheffield United 2-0. Sheffield kienu għadhom ġejjin minn rebħa mhux mistennija kontra Chelsea.

Leicester kien l-aktar tim perikoluż u ħoloq l-aktar azzjonijiet perikolużi. It-tim ta’ Brandon Rodgers fetħa l-iskor fid-29 minuta meta Luke Thomas lagħab cross fil-baxx tajjeb lejn AYOZE PEREZ li mill-viċin ma’ żbaljax. Jamie Vardy kellu ċans jirdoppja mal-ħamsin minuta iżda ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-lasta u jgħaddi barra. Leicester irduppjaw fid-79 minuta meta minn kontrattakk kien Vardy li lagħab cross fil-baxx lejn is-sostitut DEMARAI GRAY li għeleb lil Henderson.

Gowl lejn it-tmiem ċaħħad lil Aston Villa milli jiksbu rebħa vitali biex isalvaw posthom fil-Premier League meta f’Goodison Park ġew draw ta’ 1-1 kontra Everton 1-1. Kienu Aston Villa li fetħu l-iskor wara li kellhom jistennew sat-72 minuta meta minn cross ta’ Conor Hourihane kien EZRI KONSA li b’konklużjoni mal-ewwel ma’ ta l-ebda ċans lil Jordan Pickford. Everton għamlu l-isforzi kollha biex iġibu d-draw u fis-87 minuta kien THEO WALCOTT li b’daqqa ta’ ras minn cross ta’ Andre Gomes għeleb lil Reina.