L-Avukat Omar Caruana, bħala teżorier tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes ta’ Raħal Ġdid li fl-2015 mar sena ħabs fuq frodi nħeles mill-akkużi kollha wara li l-Qorti tal-Appell irrevokat sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati.
Caruana flimkien mal-eks President u l-eks Segretarju tas-soċjetà, kienu nstabu ħatja li bħala rappreżentanti tal-banda ta’ Lourdes kienu għamlu qligħ b’qerq għad-dannu ta’ tliet persuni oħra.
L-Avukat Caruana kien insab ħati li ffirma ċekkijiet għad-dannu ta’ Saviour Spiteri minn Ħaż-Żabbar, Alberto Serra mill-Gżira u George Cassar minn San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija kienet bdiet proċeduri kontra l-Avukat Omar Caruana, ta’ 44 sena minn Ħal Tarxien, li kien tressaq fil-Qorti flimkien ma’ Josef Grech ta’ 41 sena mill-Marsa u Vincent Farrugia ta’ 76 sena minn Wied il-Għajn.
Fl-appell tiegħu Caruana qal li ma kienx ingħata smigħ xieraq, għax ma tħalliex iressaq ix-xhieda tiegħu kemm b’mezz verabli jew bil-miktub u għalhekk kienet saret evalwazzjoni ħażina tal-provi u l-ġudizzju ma kienx sar skont il-liġi.
Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qablet fuq dak li huwa kkontenda li meta kien jiffirma ċ-ċekkijiet ma kellux bżonn jiċċekkja hemmx biżżejjed flus fil-kont tal-bank tal-banda, għax kien jaf li l-bar tal-każin kien qed jagħmel ħafna flus.
Minkejja dan iżda ma kienx jaf li s-Segretarju ta’ dak iż-żmien ma baqax jiddepożita l-qligħ tal-bar f’dan il-kont, u li skopra biss li kemm problema meta xi persuni infurmawh li ċ-ċekk ma kienx issarfilhom.
Fl-Appell li ppreżenta tenna li ma kellux jinstab ħati ta’ frodi, għaliex qatt m’għamel gwadann finanzjarju, hekk kif il-qligħ tal-bar kien jinżamm mill-eks Segretarju u mhux minnu. Huwa qal ukoll li ma kienx minnu li ċ-ċekkijiet ħarġu fuq kont li kien diġà ngħalaq.
Il-Qorti tal-Appell qalet li mhix kompetenza tagħha li tiddeċiedi jekk kienx ġie mittiefes id-dritt ta’ Caruana għal smigħ xieraq, iżda wara li kkunsidrat l-atti kollha u s-sottomissjonijiet, kif ukoll wara li reġgħet semgħet lix-xhieda, laqgħet parzjalment l-appell u ddikkjarat lil Caruana ħieles minn kull ħtija.
F’sentenza separata li ngħatat ix-xahar li għadda, Caruana u ż-żewġ uffiċjali l-oħra tas-soċjetà kienu nstabu ħati fuq każijiet oħra simili b’Caruana jiġi kkundannat tliet snin ħabs.
Bħala uffiċjali tas-Soċjeta Filarmonika Lourdes ta’ Raħal Ġdid li tagħha Vincent Farrugia kien President, Josef Grech is-Segretarju, f’Ġunju li għadda kienu nstabu ħatja mill-Maġsitrat Marse-Ann Farrugia li iffrodaw lill-Maltapost €25,000 bi Grech jiġi ikkundannat erba’ snin ħabs u Farrugia sentejn ħabs. Huma kienu ġew ordnati wkoll iħallsu lill-Maltapost is-somma ta’ €19,971.
//= $special ?>