Futbol Sport

Manchester United jitilgħu fir-raba’ post b’punti ndaqs ma’ Leicester

(Ritratt: EPA)

Manchester United kisbu rebħa importanti fit-tamiet tagħhom li jiksbu post mal-ewwel erbgħa fil-Premier League meta għelbu lil Crystal Palace 2-0. Minkejja n-nuqqas ta’ azzjonijiet denji fl-ewwel 45 minuta, Manchester United marru fil-vantaġġ ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima meta kien MARCUS RASHFORD li wara li qabeż avversarju spara xutt b’saħħtu li għeleb lil Guatia. Crystal Palace setgħu ġabu d-draw ftit wara bi freekick ta’ Milivojevic li kien salvat minn David De Gea qabel ma’ ħabat mal-lasta. Crystal Palace fetħu tajjeb fit-tieni taqsima u ħasbu li ġabu d-draw permezz ta’ Ayew bir-referee wara konsultazzjoni mal-VAR jiddeċiedi li jħassar il-gowl għall-offside. It-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer kellu ċans jirdoppja fit-73 minuta meta wara xogħol tajjeb ta’ Marcus Rashford, ix-xutt ta’ Bruno Fernandes ħabat mal-wieqfa. Fis-77 minuta ANTHONY MARTIAL irdoppja għar-Red Devils wara azzjoni maħduma tajjeb bejnu u bejn Rashford.

Fis-St. Mary’s Stadium Brighton u Southampton fid-derby tas-South Coast ġew draw ta’ 1-1. It-tim ta’ Graham Potter fetaħ l-iskor wara biss 17 –il minuta meta kien NEAL MAUPAY li wara li rċieva mingħand Murray ikkonkluda wara Mc Carthy. Is-saints ġabu d-draw fis-66 minuta meta wara pass ta’ Redmond, DANNY INGS avvanza u wara xutt tajjeb għeleb lil Ryan. Southanpton resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta x-xutt mid-distanza ta’ Vestergaard ġie salvat b’diffikultà minn Ryan bl-għajnuna tal-lasta.

Premier League

Illejla: Leicester v Sheffield United 2-0, Everton v Aston Villa 1-1, Crystal Palace v Manchester United 0-2, Southampton v Brighton 1-1