Sport Sport Ieħor

Matthew Magro huwa r-rebbieħ tal-Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal Ġunju

Matthew Magro li huwa atleta tat-Tenpin Bowling, huwa r-rebbieħ tal-unur Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal Ġunju. Hu ntgħażel bħala r-rebbieħ wara r-riżultati eċċezzjonali li kellu tul ix-xahar ta’ Ġunju fejn f’żewġ okkażjonijiet rnexxielu jirreġistra punti impressjonanti u uffiċjalment sar l-iżgħar Tenpin Bowler Malti li għamel il-‘perfect game.’

Magro ilu jitħarreġ f’dan l-isport sa mill-età ta’ tmien snin u fl-aħħar snin sar wieħed mill-aqwa Tenpin bowlers f’pajjiżna. Wara l-waqfa minħabba l-pandemija tal-coronavirus, Magro rritorna fil-kompetizzjoni MTBA Cisk Lager Doubles League fejn għamel punteġġ ta’ 756 series li kien jinkludi wkoll skor ta’ 300 jiġifieri ‘perfect game.’

Matul ix-xahar ta’ Ġunju, Magro ikkompeta wkoll fl-MTBA Memorial, li kienet kompetizzjoni fuq 6 game series. F’din il-kompetizzjoni, Magro iddomina mill-bidu nett u kien l-uniku atleta li kellu punteġġ ta’ 1300 f’sitt logħbiet biex għeleb b’9 pins lill-atleta ta’ 15 –il sena Nicholas Muscat li huwa iċ-champion lokali fil-kagorija ta’ taħt is-16 u t-23 sena.

Dan kien is-sitt unur li ngħata lill-atleta żagħżugħ lokali f’din l-inizjattiva konġunta bejn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports. It-trofew tal-Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal Ġunju kien preżentat lil Matthew Magro minn David Cassar Manager Business Development and Marketing ta’ Atlas Insuarance.