L-eks reporter u Uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Ramona Attard saret il-President tal-Partit Laburista wara li tellqet waħedha għall-kariga, vakata minn Daniel Micallef, li min-naħa tiegħu, ukoll se jtellaq waħdu għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Ħidma fil-Partit.
Din l-aħħar kariga kienet vakata ftit tal-ġimgħat ilu mill-eks Ministru Chris Cardona. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela għalaq il-bibien għall-backbenchers tal-Grupp Parlamentari tiegħu stess meta biddel l-Istatut tal-Partit b’tali mod li dawn ma jkunux jistgħu jikkontestaw għal din il-waħda mill-ogħla karigi fil-Partit.
Dan ħalla lil Daniel Micallef jikkontesta waħdu għall-elezzjoni li se ssir aktar tard dan ix-xahar. Mossa li ħalliet lil uħud mill-backbenchers Laburisti diżappuntati wara li kienu ilhom jesprimu l-interess għas-siġġu ta’ ħdejn il-Mexxej.
Min-naħa tagħha, Ramona Attard kienet ilha għal snin sħaħ taħdem qrib ħafna tal-eks Mexxej Joseph Muscat. Tant hu hekk li Attard saħansitra spiċċat taħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qrib ħafna ta’ Muscat.
Muscat kellu jirriżenja wara li kien ittimbrat bħala l-aktar politiku korrott tas-sena 2019. Madankollu, Attard baqgħet għal għadd ta’ xhur wara taħdem qrib il-Prim Ministru Abela f’Kastilja.
Aktar uffiċjali tal-Partit Laburista li tellqu waħedhom kienu l-Viċi President tal-Partit Louis Gatt, is-Segretarju Organizzattiv William Lewis u s-Segretarju Internazzjonali Marc Vella Bonnici. Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li dawn kienu approvati mill-Eżekuttiv Nazzjonali.
//= $special ?>