Lokali

Mitlub kumpens lill-Gvern għall-qtil politiku ta’ Lino Cauchi fl-1982

Permezz ta’ protest ġudizzjarju ppreżentat fil-qorti, il-mara Anna u t-tifel Paolo tal-accountant Lino Cauchi qed jitobu kumpens mingħand il-gvern għall-qtil politiku ta’ Cauchi li seħħ fl-1982.

Il-protest ġudizzjarju kien ppreżentat mill-Avukat Peter Fenech f’isem il-familja Cauchi u fih il-familja tat ġimgħa ċans lill-gvern biex jagħti l-kumpens mistħoqq għal dan il-qtil mhux solvut. Il-familja qed issostni li sofrew inġustizzja minħabba li l-qtil qatt ma kien investigat kif suppost bil-konsegwenza li ma kienx solvut. Il-mara u t-tifel ta’ Lino Cauchi qed isostnu wkoll li huma sofrew trawma u effetti psikoloġiċi kaġun ta’ dan il-qtil.

Il-qtil ta’ Lino Cauchi kien ixxokkja lill-pajjiż fl-1982; fil-15 ta’ Frar 1982 meta Lino Cauchi inħataf wara laqgħa li kellu f’uffiċċju fil-Belt ma’ numru ta’ spekulaturi tal-artijiet. Lino Cauchi baqa’ qatt ma rritorna d-dar iżda l-karozza tiegħu instabet ipparkjata quddiem id-dar tiegħu viċin Triq Psaila f’Santa Venera. Jumejn wara l-qtil fiċ-Chadwick Lakes kienet instabet ukoll il-brief case vojta u miftuħa li kien juża Lino Cauchi iżda fiha ma kienx hemm dokumenti.

Kien f’Novembru 1985 li, b’kumbinazzjoni f’bir fil-Buskett, raġel sab diversi boroż tal-plastic li fihom kien hemm il-ġisem imqatta’ ta’ Lino Cauchi. Fil-boroż instabet ukoll mazza li ntużat biex biha nqatel Lino Cauchi qabel tqatta’ biżżiet u tpoġġa fil-boroż.

Minħabba l-istat qawwija ta’ dikompożizzjoni, ma kienx possbbli li l-għadam misjub ikun identifikat, tant li għall-ewwel l-esperti fornesiċi ħasbu li dawn kienu ta’ mara. Kien minn eżamijiet foresiċi li saru barra minn Malta li kien stabbilit li l-għadam kien ta’ raġel; eventwalment ta’ Lino Cauchi.

Lino Cauchi kien wieeħd mill-accountants ewlenin fit-tmenijinijiet u fost il-klijenti tiegħu kellu diversi spekulaturi tal-artijiet li kienu viċin l-ex Ministru ta’ dak iż-żmien Lorry Sant. Dan kien il-perjodu fejn il-korruzzjoni istituzzjonalizzata tal-artijiet kienet fl-aqwa tagħha tant li numru kbir ta’ art green area kienet tinxtara bi ftit flus u tinbidel f’art tajba għall-bini minn lejl għal nhar.

Jirriżulta li Lino Cauchi kien involut f’diversi trattattivi u għalhekk kellu informazzjoni sensittiva dwar dak li kien qed iseħħ. Fil-fatt hu stabbilit li dakinhar li nħataf, fil-brief case, hu kellu dokumenti importanti.

Minkejja l-investigazzjonijiet li saru, il-każ tal-qtil ta’ Lino Cauchi baqa’ mhux solvut u għadu wieħed mill-każi ta’ konnessjonijiet politiċi mhux solvuti tat-tmeninijiet.