Lokali Unjoni Ewropea

Nibqgħu nipperswadu u nenfasizzaw li ningħataw l-akbar għajnuna f’fondi Ewropej għall-poplu tagħna – Adrian Delia

“Mill-Oppożizzjoni qegħdin nibqgħu nipperswadu u nwasslu l-appell tagħna sabiex ningħataw l-ikbar ammont possibbli ta’ fondi u għajnuna għal żmien il-pandemija, għall-familji tagħna, l-ħaddiema tagħna u għan-negozji tagħna.”

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta llum attenda għal summit virtwali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li matulu saret diskussjoni dwar il-fondi Ewropej ta’ għajnuna għall-irkupru ekonomiku ħabba l-COVID-19.

Adrian Delia saħaq dwar l-importanza li pajjiżna jingħata l-ikbar għajnuna finanzjarja possibbli, fid-dawl li l-ekonomija tagħna hija bbażata fuq l-investiment barrani u fuq it-turiżmu, żewġ setturi ekonomiċi li qalgħu daqqa kbira matul iż-żmien tal-pandemija. Dan meta 25% tal-GDP ta’ pajjiżna jiddependi mis-settur turistiku u meta l-konnessjoni tat-trasport tagħna tiddependi mill-ajru u bil-baħar.

Adrian Delia qal li pajjiżna diġa’ qed iġorr piżijiet kbar finanzjarji relatati mal-immigrazzjoni u l-popolazzjoni, u meta diġa’ għandna l-ikbar densita’ tal-popolazzjoni fl-Ewropa u l-istatistika qed turi li Malta rreġistrat l-ikbar tkabbir fil-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea, bil-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija biż-żieda fil-popolazzjoni, dan l-istress finanzjarju kien wieħed ikbar.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia enfasizza kif nistgħu tiżufruwixxu minn dawn l-għajnuniet f’fondi mill-Ewropa grazzi għall-vizjoni li kellu l-PN, li jinnegozja u jdaħħal lil pajjiżna bħala membru tal-Unjoni Ewropea. Liema applikazzjoni għas-sħubija saret propju bħal-lum 30 sena ilu.