Il-biljunarji Amerikani famużi, Elon Musk, Jeff Bezos u Bill Gates huma fost diversi personalitajiet prominenti li spiċċaw mira ta’ hackers fuq Twitter. Dan fost indikazzjonijiet li l-personalitajiet spiċċaw vittma ta’ skema qarrieqa bil-cryptocurrency magħrufa bħala Bitcoin.
Intant, is-siti uffiċjali ( fuq Twitter) tal-eks President Amerikan, Barack Obama, l-eks Viċi-President Amerikan Joe Biden u l-kantant-rapper Kanye West kienu qegħdin jitilobu d-donazzjonijiet fil-forma tal-bitcoin bħala parti mill-iskema. Vittmi oħrajn tal-qerq kienu l-personalità tal-media soċjali Kim Kardashian West u l-biljunarju tal-media. Mike Bloomberg.
Eżempju tipiku tal-iskema kien messaġġ jew tweet mis-sit ta’ Bill Gates li tenna li ‘filwaqt li kulħadd qed jitolbu biex (hu) jagħti xi ħaġa lura, il-biljunarju kien lest biex jibgħat lura 2,000 għal kull elf dollaru li jirċievi’.
In-nies wara Twitter qalu li dan kien kollu parti minn attakk koordinat ta’ hackers ‘ li għandhom l-aċċess għal sistemi interni ta’ din il-media’. Il-kelliema għal Twitter spjegaw li l-hackers użaw dan l-aċċess biex jieħdu kontroll tas-siti verifikati u prominenti fuq Twitter fejn għamlu l-użu minnhom għal skopijiet partikulari.
Fl-aħħar sigħat kienu qed jittiedu passi sinifikanti li kellhom jillimitaw l-aċċess min-naħa tal-hackers għas-sistemi interni ta’ Twitter. Fl-istess ħin, il-kumpanija qed tmexxi investigazzjoni bir-reqqa dwar kif persuni (abbonati) daqshekk prominenti kellhom jispiċċaw f’din is-sitwazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Twitter, Jack Dorsey, qal li ‘hu u l-istaff tal-kumpanija jħossuhom terribbli li dan seta’ iseħħ’, iżda xi esperti dwar is-sigurtà ċibernetika qablu li l-infiltrazzjoni tal-accounts setgħet kienet ferm agħar fiċ-ċirkustanzi.
Madankollu, dan qed jidher li kien xorta l-agħar eżempju ta’ hacking fil-konfront ta’ strument ewlieni tal-media popolari.
//= $special ?>