Lokali

Taljana fil-periklu tal-mewt wara inċident bil-mutur fis-Swieqi

Żagħżugħa Taljana, residenti n-Naxxar spiċċat tissielet għal ħajjitha wara li kienet involuta f’inċident tat-trafifku fis-Swieqi waqt li kienet passiġġiera fuq mutur.

Il-każ seħħ fis-7.30 tal-Ħamis filgħodu fi Triq Sant’Andrija meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 27 sena mill-Mosta u mutur misjuq minn raġel ta’ 32 sena minn Naxxar – fejn flimkien ma’ dan tal-aħħar kien hemm riekba l-vittma ta’ 25 sena.

Fil-post ġew msejħa minnufih uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll tim mediku tal-ambulanzi li ħa lix-xufier tal-mutur flimkien mat-Taljana l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.

Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li t-tfajla, sfortunatament, ġiet iċċertifikata li kienet qed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire Louse Stafrace Zammit li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet rigward dan il-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.