33 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, is-soċjetà ċivili għaldarboħra inġabret fi Pjazza l-Assedju l-Kbir tappella għall-Ġustizzja.
Fit-tieni vġili minn meta kienu rrilassati r-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19, dawk preżenti, bħal ma jagħmlu ta’ kull xahar, insistew li l-istat iwettaq ġustizzja mal-qraba u l-ħbieb tal-ġurnalista assassinata, fl-isfond tad-diversi inkjesti li għadhom għaddejjin.
Paul Ellul, poeta u wieħed miż-żewġ kelliema f’din l-attività, iddedika poeżija twila lill-ġurnalista li permezz tagħha faħħar l-abbiltajiet ta’ Daphne biex tixtarr, tinvestiga u b’kuraġġ tikxef il-ħażen, u faħħarha għar-rebħa tagħha. Ellul qal li bit-telfa tagħha tilef poplu sħiħ.
Hu indirizza direttament lill-ġurnalista assissinata u qal li l-poplu se jibqa’ jsejjaħ isimha sakemm isseħħ il-ġustizzja.
Joanna Agius, mill-organizzazzjoni Occupy Justice, li kienet it-tieni kelliema f’diskors li għamlet qalet li Daphne Caruana Galizia kienet fetħet għajnejn il-poplu meta wissiet dwar l-Avukat Ġenerali Peter Grech li llum nafu li ta parir biex l-investigazzjoni jsiru bil-mod, u dwar l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, li kien pupazz tal-Gvern, u kienet wissiet dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat .
Hi għalqet id-diskors tagħha billi qalet li r-riżenji u t-tkeċċijiet ma jfisser assolutament xejn, jekk ma ssirx ġustizzja. Ġustizzja li għandha ssir minn fuq s’isfel.






