Sport

Bach se jikkontesta għat-tieni terminu bħala President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali

(Ritratt: EPA)

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach jinsab lest biex jikkontesta għat-tieni terminu tiegħu fl-elezzjoni li hi skedata għas-sena d-dieħla. Il-Ġermaniż li għandu 66 sena, kien elett fil-kariga fl-2013 għal terminu ta’ tmien snin u jinsab eliġibbli għal terminu ieħor ta’ erba’ snin.

Jekk jerġa’ jkun elett, Bach se jkun qed imexxi ż-żmien li l-IOC se tkun qed tirkupra wara li ġie deċiż li l-Olimpjadi ta’ Tokyo jkunu sospiżi għas-sena d-dieħla minħabba l-coronavirus. Is-sessjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali saret għall-ewwel darba b’video conference.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, Bach wissa wkoll dwar l-użu ħażin tal-isport għal raġunijiet politiċi. Hu għamel referenza meta fl-Olimpjadi tal-1980 f’Moska kien hemm bojkott li ma kienx ta’ suċċess.

Għalkemm ma kienx hemm diskussjoni serje ta’ possibbiltà ta’ bojkott fl-Olimpjadi li jmiss, jista’ jkun hemm konsegwenzi fuq l-Olimpjadi tax-Xitwa f’Beijing fl-2022 minħabba s-sitwazzjoni f’Hong Kong u l-elezzjoni fl-Istati Uniti li tista’ttappan ir-relazzjonijiet maċ-Ċina. Bach innifsu, kien rebaħ il-midalja tad-deheb fil-fencing f’isem il-Ġermanja tal-Punent waqt l-Olimpjadi tal-1976.

Tags