Internazzjonali

COVID-19 : Rati ta’ infezzjonijiet allarmanti fil-Brażil u l-Indja

In-numru tal-infettati bil-Covid-19 qabeż il-miljun fl-Indja waqt li rapporti mill-Brażil qalu li issa hemm ‘il fuq minn żewġ miljun infettati f’dan il-pajjiż Latin Amerikan.

Kien anqas minn xahar ilu li l-Brażil laħaq il-miljun każ ( ta’ infezzjoni) u llum – minbarra l-fatt li l-ammont irdoppja fi kwistjoni ta’ ġimgħat – hemm ftit li xejn sinjali li qed tonqos ir-rata lokalizzata tal-infezzjonijiet bil-Covid-19.

Fil-Brażil qed jgħixu mal-210 miljun persuna. Dan il-pajjiż hu t-tieni l-agħar pajjiż affettwat mill-Covid-19 fid-dinja wara l-Istati Uniti, iżda l-President Brażiljan, Jair Bolsonaro – li testja pożittiv għall-virus – baqa’ jimminimizza l-livell tas-sogru waqt li jirreżisti d-direttivi u kampanji favur id-distanzi soċjali.

Intant, fil-Brażil mietu ‘il fuq minn 74,000 persuna mill-virus u ‘il-vera ċifri’ x’aktarx li huma jerġa’ ogħla minn dan l-ammont.

Is-sitwazzjoni saret ukoll allarmanti għall-Indja li għaddiet ‘il-miljun każ’ wara li, f’perjodu ta’ 24 siegħa, irreġistrat numru rekord ( għal ġurnata waħda) ta’ kważi 35,000 infezzjoni bil-Covid-19.

Fil-fatt, l-Indja għandha t-tielet l-agħar ċifra ta’ infettati wara l-Istati Uniti u l-Brażil, b’dawn jibqgħu l-uniċi tliet pajjiżi li rreġistraw aktar minn miljun każ tal-coronavirus.

Il-każi attivi fl-Indja jagħmlu tajjeb għal madwar terz mill-ammont totali tal-infezzjonijiet – bir-rati tal-imwiet qed jitqiesu bħala ‘pjuttost baxxi’ fiċ-ċirkustanzi. Madankollu, l-aħħar jiem indikaw żieda fl-ammont tal-vittmi li issa qabżu l-25,600 f’dan il-pajjiż.

L-awtoritajiet fl-Indja qed jinkwetaw ukoll dwar il-fatt li kważi kull ġurnata li tgħaddi qed iġġib ‘qabżiet rekord’ fl-infezzjonijiet lokali, tant li l-pajjiż, dan ix-xahar, issupera lir-Russja fit-tielet post tal-lista tal-pajjiżi bl-ogħla każi tal-coronavirus.

Żviluppi oħra…

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, ħabbar il-passi li jmiss għat-tnaqqis tal-lockdown fl-Ingilterra u li huma effettivi mill-Ewwel ta’ Awwissu.

L-ażjendi li jħaddmu se jingħataw aktar libertà biex jiddeċiedu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-uffiċini waqt li Johnson sostna li l-awtoritajiet lokali se jingħataw poteri akbar biex jintroduċu l-lockdowns fiz-zoni tagħhom — bil-għan li jikkontrollaw inċidenzi futuri bil-Covid-19.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Britanniku responsabbli mis-Saħħa, Matt Hancock, sejjaħ għal analiżi urġenti tad-data relatata mal-imwiet mill-Covid-19 fl-Ingilterra.

Il-Ġappun, fl-aħħar sigħat, innota żieda partikulari fl-infezzjonijiet bil-Covid-19, bl-istatistika minn Tokjo turi li l-pajjiż, issa, qed jirreġistra aktar każi ( għal kuljum) mill-Italja.

L-infezzjonijiet bil-Covid-19 qabżu t-13.8 miljun fuq bażi globali mindu bdiet il-pandemija. Fl-aħħar xhur mietu 589,000 madwar id-dinja b’kaġun tal-effetti tal-coronavirus.