Lokali

AĠĠORNATA: Grupp ieħor ta’ immigranti jiddaħħal Malta

Aktar immigranti ddaħħlu f’pajjiżna. Dan hekk kif bħalissa fir-reġjun tal-Mediterran qed jiżdiedu l-vjaġġi klandestini li qed ikunu koordinati minn traffikanti tal-bnedmin.

Net News hu infurmat li l-AFM daħħlu Malta mas-60 immigrant ieħor, li fl-aħħar sigħat kienu sejjħu għall-għajnuna. Huma ddaħħlu fl-Isla għall-ħabta tas-2pm

Il-ġimgħa li għaddiet f’pajjiżna iddaħlu żewġ gruppi separati ta’ immigranti, bil-Gvern ma jgħid xejn dwar dawn il-wasliet.

Kien fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu meta l-armata daħħlet Malta madwar 30 immigrant permezz ta’ operazzjoni li fiha kienet involuta l-patrol boat P62. Ftit tal-jiem qabel, 50 immigrant ieħor kien iddaħħal pajjiżna wara li kienu ilhom ġranet fl-ibħra lil hinn mill-kosta Maltija abbord il-vapur Talia.

Dawn l-immigranti kollha jingħaqdu mal-450 li iddahhlu Malta x-xahar li għadda, u aktar minn 1,200 li waslu pajjizna fl-ewwel xhur tas-sena.

Dan ifisser li sa issa, fl-ewwel 6 xhur tas-sena in-numru ta’ immigranti li daħlu f’pajjizna qabżu l-1,700.