Partijiet kbar taċ-Ċina fl-aħħar sigħat kienu qed ibatu l-effetti tal-akbar inċidenza ta’ għargħar għal għexieren ta’ snin.
Is-sitwazzjoni tal-emerġenza kienet l-aktar akuta maġenb ix-Xmara Yangtze fejn ir-residenti qed jużaw id-dgħajjes u diversi forom ta’ ċattri biex jaħarbu mid-dulluvju kbir tal-ilma li faqa d-djar flimkien mad-difiżi li ttellgħu għal kontra l-għargħar.
Il-ħalbiet tax-xita qawwija li ilhom minn Ġunju neżlin f’diversi zoni taċ-Ċina ħallew ‘il fuq minn 140 mejtin u persuni rappurtati nieqsa.
L-elementi wasslu għall-evakwazzjoni ta’ kważi 15-il miljun ruħ mill-bidu tax-xahar s’issa, waqt li kelliema għall-Gvern qed jikkalkulaw it-telf f’termini ekonomiċi bħala ekwivalenti għal biljuni kbar ta’ dollari.
Fiċ-ċentru tal-provinċja ta’ Jiangxi spikkat fuq kollox id-dehra ta’ bliet u villaġġi mgħarrqin meta l-ħaddiema għall-emerġenzi qegħdin jiġġieldu kontra l-ħin biex isewwu l-ħsarat fid-digi tal-inħawi.
Dan waqt li l-uffiċċju meteoroloġiku għar-reġjun kien qed iwissi dwar aktar inżul tax-xita fis-sigħat sussegwenti.
L-aħħar rapporti qalu li l-awtoritajiet Ċiniżi kienu qegħdin iwissu dwar mill-anqas 400 xmara fejn l-ilma kienet telgħet sa livell perikoluż.
F’din is-sitwazzjoni, diversi minn dawn ix-xmajjar laħqu għoli rekord f’perjodu ddominat mill-akbar inżul ta’ xita — bħala medja — madwar iz-zona tax-Xmara Yangtze mill-1961 ‘il hawn.
//= $special ?>