Sport Waterpolo

Il-favoriti San Ġiljan u Sliema fil-finali tal-Enemed Cup

Il-finali tintlagħab il-Ħadd fis-7.15pm

Stewart Said

San Ġiljan TUM Invest u Sliema Frank Salt se jikkontestaw il-finali tat-tielet edizzjoni tal-Enemed Cup wara rebħiet kontra Sirens Mecca Marin u Exiles rispettivament. Din se tkun it-tieni darba li dawn iż-żewġ timijiet se jilagħbu kontra xulxin fil-finali wara li fl-2018 San Ġiljan kienu rebħu 10-8. Il-Ġiljaniżi ftit kellhom problema biex għelbu lil Sirens Mecca Marin 18-5. Il-Ġiljaniżi urew konċentrazzjoni minn kmieni u qatt ma ppermettew lil Sirens jidħlu fil-logħba. Il-ħames gowls ta’ Matthew Zammit fil-bidu wittew it-triq għal rebħa faċli.

It-tim immexxi minn Dorian Pisani wera kordinament fl-attakki, b’Dino Zammit jispikka mhux biss għaliex skorja sitt gowls iżda wera abbiltà individwali fl-azzjonijiet tat-tim kif ukoll biex ikkonkluda fix-xibka. Sirens ma għadhomx it-tim perikoluż li kienu fl-aħħar snin. Mingħajr il-plejers barranin u bit-tluq ta’ plejers bħal Edward Aquilina, John Brownrigg u l-gowlkiper Nicky Grixti, it-tim ta’ Marko Orlovic hu bbażat fuq il-plejers żgħażagħ.

Sliema wkoll kisbu rebħa konvinċenti għalkemm ma kinitx dominanti bħal dik ta’ San Ġiljan. Ir-rebħa ta’ 9-4 kontra Exiles waslet kawża ta’ kontroll li dejjem kellhom fil-logħba, kompliċi l-gowls ta’ Jamie Gambin, Michael Spiteri Staines u John Brownrigg fl-ewwel sessjoni.

Fit-tieni sessjoni, Exiles naqqsu d-distakk darbtejn għal żewġ gowls permezz ta’ Mark Fenech u Timmy Sullivan iżda doppjetta ta’ Zach Mizzi żammet il-vantaġġ ta’ tliet gowls. It-tim ta’ Sergio Afric aċċerta mir-rebħa fit-tielet sessjoni bi tliet gowls konsekuttivi ta’ Michael Spiteri Staines, Jerome Gabarretta u John Brownrigg. Wara li Nicky Paris naqqas id-distakk fit-tielet sessjoni, Aurelien Cousin deher li se jiskorja l-uniku gowl tal-aħħar sessjoni sakemm Nicholas Bugelli ssiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

SAN ĠILJAN TUM INVEST……. 18

SIRENS MECCA MARIN………… 5

(6-0), (4-2), (4-2), (4-1)

San Ġiljan: J. Tant, K. Tanti (1), A. Galea (2), B. Grech, M. Mannino, M. Zammit (6), B. Plumpton (1), J. Bonavia (1), Z. Micallef, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (6), G. Vassallo, M. Ortoleva, K. Magri

Sirens: O. Gauci, J. Ciantar (1), K. Erdogan, G. Mellilo, J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia (1), L. Falzon, I. Riolo, J. Napier, G. Sammut, M. Azzopardi, M. Sciberras (1), M. Cutajar (1), L. Grech Carr, L. Galea

Referees: Stefan Licari, Massimo Angileri

EXILES SC …………………………. 4

SLIEMA FRANK SALT………….. 9

(0-3), (2-2), (1-3), (1-1)

Exiles: M. Castillo, J. Bajada, A. Magri, P. Paris, T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti, N. Paris (1), A. Cousin (1), S. Apap, I. Schembri

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (1), L. Galea, J. Sciberras, M. Meli, B. Cachia, M. Spiteri Staines (2), N. Saliba, J. Brownrigg (2), J. Gambin (1), Z. Mizzi (2), N. Bugelli (1), A. Theuma, M. Carani, R. Greco

Referees: Mario Dalli, Peter Balzan