Lokali Parlament

Il-Gvern se jikkunsidra l-emendi mressqa mill-PN iżda għadu ma ppublikax kollox

Din il-ġimgħa fil-Parlament ittieħed vot fit-tieni qari fuq erba’ abbozzi ta’ liġijiet li jemendaw il-Kostituzzjoni dwar il-ħatra tal-President, kif jiġu maħtura u mneħħija l-Ġudikanti u dwar il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni.

Fi stqarrija l-Oppożizzjoni saħqet li għalkemm l-abbozzi huma titjib fuq is-sitwazzjoni preżenti xorta waħda fadal punti importanti li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li għandhom jiġu nklużi fosthom li għall-ebda raġuni l-Prim Imħallef u l-President ma jiġu maħtura b’maġġoranza sempliċi tal-Parlament.

L-Oppozizzjoni għandha wkoll riservi dwar it-tneħħija tal-Parlament mill-proċess tat-tneħħija tal-Ġudikanti.

Staqsejna lill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jekk il-Gvern hux se jikkunsidra l-emendi li se tressaq l-Oppożizzjoni. Zammit Lewis saħaq li “M’hemmx dubju li l-Gvern se jibqa’ miftuħ” għal “kwalukwe konsultazzjoni.”

Il-Gvern kellu jippubblika u jikkonsulta dwar sitt abbozzi oħra li sal-lum għadhom ma ġewx ippubblikati u mgħoddija lill-Oppożizzjoni minkejja li l-Gvern diġà għadda l-ewwel qari tagħhom fil-Parlament. Il-Ministru għall-Ġustizzja qalilna li dawn “sejiġu ppublikati fil-mument opportun” u li “m’hemm ebda sorpriżi se jkunu ppublikati.”

Dawn l-emendi fil-Kostituzzjoni qed isiru konsegwenza tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja u l-PN qed jisħaq li għandhom isiru f’pakkett wieħed u mhux kif jaqbel lill-Gvern li jgħaddi l-ewwel fejn għandu bżonn il-vot tal-Oppożizzjoni u wara jirrombla minn fuq kulħadd.

Fil-passat Gvern Nazzjonalista, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna ħatar President mill-kamp politiku oppost.. Dan filwaqt li ivvota favur il-ħatra tal-aħħar żewġ presidenti li wkoll ġew min-naħa tal-Partit Laburista.

S’issa il-Gvern irid li jekk ma jkunx hemm qbil, l-għażla finali terġa taqa’ għand il-Gvern.

L-Oppożizzjoni stqarret li hija lesta li jekk dawn it-tibdiliet jiġu aċċettati u l-Gvern jippubblika l-abbozzi li fadal u jikkonsulta dwarhom, fl-istadju tat-tielet qari, l-Oppożizzjoni tkun f’pożizzjoni li tivvota favur dawn l-emendi Kostituzzjonali.