Coronavirus Lokali Saħħa

Il-każijiet attivi jinżlu għal 3 – l-ebda każ ġdid ta’ Covid-19

Għall-ewwel darba minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 f’pajjiżna, Malta kellha tmint ijiem infila fejn ma kien rappurtat ebda każ ġdid.

Il-Ministeru tas-Saħħa qal li bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa saru ftit anqas minn elf swab test fejn ma rriżulta l-ebda wieħed pożittiv. Aħbar tajba hi li fl-aħħar sigħat fieqet persuna oħra minn din l-imxija biex issa l-każijiet attivi niżlu għal 3.

Dan huwa l-itwal perjodu bla każi ġodda sa mis-7 ta’ Marzu minn meta kien irreġistrat l-ewwel każ tal-virus f’pajjiżna.

Minkejja dan, l-Awtoritajiet tas-Saħħa xorta qed ikomplu jappellaw sabiex il-pubbliku jkun kawt u jibqa’ josserva d-distanza soċjali, tintlibes maskra protettiva filwaqt li jsir il-ħasil tal-idejn ta’ spiss. Dan aktar u aktar issa li pajjiżna fetaħ mill-ġdid l-ajruport u l-portijiet, fejn l-Erbgħa żdiedu 28 rotta oħra għall-ajruplani li qed itiru minn u lejn Malta.

In-numru ta’ każijiet li kellna minn Marzu s’issa huwa ta’ 674, filwaqt li dawk li rkupraw minn din l-imxija jammontaw għal 662.

Intant fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li l-hubs tat-testijiet f’Malta u f’Għawdex se jibqgħu miftuħa għall-pubbliku.