Lokali

Il-mawra ta’ Joseph Muscat f’Dubaj li swiet €21,000 tħallset minn terzi persuni

L-ispejjeż għaż-żjara li saret f’Dubaj mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat kienu mħallsa minn terzi persuna. Dan kien żvelat minn rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Żjara li swiet madwar €21,000.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma sab l-ebda ksur tal-etika fiż-żjara ta’ Muscat f’Dubaj.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Kap tal-Partit Demokratiku Timothy Alden kienu ppreżentaw l-ilment fejn staqsew dwar l-ispiża taż-żjara u jekk dan tħallasx minn Muscat innifsu jew minn terza persuni.

Il-Kummissarju qal ukoll li Muscat talab li d-dettalji taż-żjara ma jiġux żvelati fid-dominju pubbliku.

Joseph Muscat kien mar fuq btala f’Dubaj ma’ martu Michelle u wliedu, jiem biss wara li ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Prim Ministru. Ftit jiem qabel Muscat kien żar il-Belt tal-Vatikan u Betlehem minkejja r-rivelazzjonijiet li komplew ifeġġu dwar il-ħbiberija bejn l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia Yorgen Fenech, l-eks chief of staff ta’ Keith Schembri u Joseph Muscat.