F’dawn il-jumejn ħarġu l-mijiet ta’ dimostranti li ngħaqdu fi protesta kontra l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, fost l-insistenza biex hu jirriżenja mit-tmexxija tal-pajjiż.
Din id-dimostrazzjoni saret qrib ir-residenza tal-istess Netanyahu fil-belt ta’ Ġerusalemm, bin-nies juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-Prim Ministru Iżraeljan li fil-bidu tas-sena kien akkużat dwar tixħim, frodi u ksur ta’ fiduċja bħala Prim Ministru, fi tliet każi separati.
Id-dimostranti armati bil-bnadar ma waqfux jikkundannaw l-allegata korruzzjoni ta’ Netanyahu, bil-protesti qed jitqiesu bħala l-aħħar f’sensiela ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-Prim Ministru li qed isiru, bħalissa, madwar Iżrael.
Il-kriżi finanzjarja ta’ Iżrael u r-rati għoljin tal-qgħad fil-pajjiż b’kaġun tal-Covid-19 jidhru li xprunaw dejjem aktar rallies fejn l-Iżraeljani anzjani u b’mod partikulari iż-żgħażagħ qegħdin joħorġu fit-toroq biex jesprimu rabja kollettiva dwar is-sitwazzjoni.
Dan fost il-pressjoni kontinwa biex Iżrael jaqleb paġna ġdida wara l-era ta’ Netanyahu.
//= $special ?>