Lokali Qorti

John Woods mixli bil-qtil ta’ Charlene Farrugia jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

John Paul Charles Woods ta’ 40 sena li qed jiġi ġie mixli li f’Novembru ta’ 12-il sena ilu, qatel lil Charlene Farrugia ta’ 25 sena li kienet taħdem bħala carer, u li din instabet imqatta’ biċċiet, f’xelter fil-Belt tpoġġa taħt att ta’ akkuża. Il-fdalijiet tat-tfajla nstabu f’Lulju tal-2019.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia tat din id-deċiżjoni meta  kompliet tinstema l-kumpilazzjoni. Woods, li għamel snin twal jgħix l-Ingilterra u li twieled Portsmouth qed jiġi mixli wkoll li żamm lit-tfajla kontra l-volontà tagħha, li qered evidenza, li ħeba l-kadavru tagħha, li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja u li sar reċediv.

Ġew ippreżentati ritratti tal-karozza tiegħu dieħla u ħierġa mill-Belt Valletta, u l-Pulizija kkonfermaw li ħadu l-istqarrija tal-akkużat fl-isptar wara li kien għamel operazzjoni u kkonfermaw ukoll li l-akkużat ma riedx ikun assistit minn avukat.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Avukat Roberta Bonello li qed tidher għal Woods staqsiet żewġ kuntistabbli tal-Pulizija li ppreżentaw l-ewwel stqarrija li ħadulu fl-isptar Mater Dei jekk jistgħux jippreżentaw ċertifikat mediku li juri li huwa kien mentalment san meta ttiħditlu l-istqarrija.

Dan għaliex kien għadu kemm jagħmel operazzjoni. It-tweġiba kienet fin-negattiv u dan peress li l-akkużat deher li kien fi stat ta’ saħħa tajba. Woods kien inqabad mill-Pulizija wara hold up li allegatament kien wettaq f’ħanut fil-Gżira, u li huwa kien taħt l-influwenza tad-droga u alkoħol.  

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur James Grech filwaqt li għall-familja tal-vittma qed jidhru l-Avukati Mario Mifsud u Chris Camilleri. Il-kumpilazzjoni se tkompli fil-25 ta’ Awwissu.