Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qed jiltaqgħu fi Brussell għall-ewwel summit, wiċċ-imb-wiċċ mindu feġġet il-kriżi tal-Covid-19 (coronavirus). Sadanittant, huma ftit l-aspettativi ta’ ftehim dwar pakkett ta’ stimolu, ekwivalenti għal 750 biljun ewro, ‘għal wara l-Covid’.
Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qal, sadanittant, li dan hu ‘il-mument tal-verità’ għall-Ewropa u li s-sigħat li jmiss se jkunu deċiżivi.
L-issue ewlieni hi kemm mill-hekk-imsejjaħ recovery fund għandu jitqassam bħala grants u kemm mill-fondi allokati se jingħataw bħala self.
Kwistjoni oħra importanti għall-mexxejja tinvolvi qbil dwar il-baġit ta’ seba’ snin għall-Unjoni Ewropea li għandha tiswa mal-1.07 triljun ewro oħra.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qalet li ‘id-differenzi (bejn il-pajjiżi-membri) huma kbar u ma tistax tgħid jekk għandhiex tinstab soluzzjoni din id-darba’. Merkel qalet ukoll li n-nies iridu jkunu attenti li ma jkollhomx xi aspettativa żejda u meta jeħtieġ li jibqgħu ‘realistiċi’.
Is-summit, li qed isir fi Brussell, se jkompli għada, waqt li mistenni li l-mexxejja tal-UE jieħdu ftit taż-żmien mhux ħażin biex jaslu għal ftehim.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, irrikonoxxa li t-taħditiet ‘huma diffiċli’, iżda l-Prim Ministru tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis, qal li ‘ħadd ma għandu jintilef fid-dettalji żejda mingħajr ma jara l-istampa kollha kif inhi u minn kull aspett’.
B’dan il-kliem, Mitsotakis ried ifakkar li l-Ewropa qed tiffaċċja l-agħar żmien minn aspett ekonomiku (depression) minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.
Intant, il-Prim Ministru tal-Estonja, Juri Ratas, qal li l-Ewropa teħtieġ tweġiba jew reazzjoni konkreta u ta’ malajr, b’mod li tirrifletti l-għaqda bejn l-Istati membri li qed jimpenjaw ruħhom biex jistimolaw l-ekonomija Ewropea wara l-agħar tal-Covid-19.
L-Istati lejn in-naħa t’isfel tal-Ewropa, fosthom l-Italja u Spanja, iridu deċiżjoni urġenti ‘u fejn id-deċiżjoni ma titlifx mis-saħħa minħabba l-aspetti ta’ xi kompromess’.
Dan meta l-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte qed jinsisti dwar il-ħtieġa għal ‘nifs ġdid’ lill-ekonomiji li ġarrbu l-impatt terribbli tal-pandemija devastanti (tal-Covid-19) li swiet il-ħajja ta’ 35,000 fl-Italja u talanqas 28,400 oħra fi Spanja.
Il-Bank Ċentrali Ewropew ibbażat fi Frankfurt ( fil-Ġermanja) diġà bassar tnaqqas ta’ 8.7 fil-mija fl-ekonomija taz-zona ewro għal din is-sena, b’konsegwenza tal-pandemija. Madankollu, l-ekonomiji li għadhom kemm stejqru xi ftit mill-kriżi finanzjarja qed jitolbu għall-grants aktar milli ftehim biex jimpenjaw ruħhom għal aktar dejn u l-kundizzjonijiet marbutin miegħu.
Il-‘Pjan għall-Irkupar’, appoġġjat minn Franza u l-Ġermanja, u li mistenni jinvolvi mal-500 biljun ewro fi grants u sussidji minbarra 250 biljun ewro oħra f’self , qed iħabbat wiċċu ma’ reżistenza mill-Istati-membri, immexxija mill-Olanda, li ġejjin min-naħa ta’ fuq tal-Ewropa.
Ir-recovery fund tal-UE hu diġà kontroversjali għaliex il-flus iridu jissellfu permezz tas-swieq finanzjarji u jridu jitħallsu lura f’xi żmien wara l-2027.
Il-fond hu magħmul minn diversi ‘strumenti u strutturi’ iżda l-akbar impenn ta’ flus għandu jappoġġja lill-investimenti fl-ambjent u l-qasam diġitali. Mat-30 fil-mija tal-finanzjament, sadanittant, jista’ ikun marbut mal-proġetti favur il-klima.
L-Istati-membri li pjuttost qed iżommu lura – u li jinkludu l-Awstrija, l-Iżvezja, id-Danimarka u l-Finlandja – iridu livell ta’ kontroll fuq kif se jitqassmu l-fondi minn dan il-pakkett ta’ stimolu. Mill-banda l-oħra, il-pajjiżi lejn in-naħa t’isfel tal-Ewropa qed jinsistu li ‘dan il-kontroll għandu jfixkel jew inaqqas ir-ritmu tal-proċess’.
Il-Kap tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, ukoll ħeġġet biex il-EU27 tinsisti mill-aktar fis lejn ‘il-pakkett ambizzjuż’ waqt li wissiet dwar il-livell kbir ta’ inċertezza dwar ‘kemm l-Ewropa kapaċi tirkupra malajr ( ekonomikament) mill-impatt tal-Covid-19 li qed jinħass sew madwar il-kontinent.
//= $special ?>