Il-Presbiterju Parrokkjali tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem u l-Patrijiet Karmelitani-Skalzi, li jmexxu s-Santwarju Santa Tereża, f’Birkirkara qablu li din is-sena jsir pellegrinaġġ wieħed storiku nhar il-Ħadd 19 ta’ Lulju, biż-żewġ vari ewlenin ta’ dawn iż-żewġ tempji, biex ibierku t-toroq u l-familji tal-Parroċċa.
Dan wara li ġew rilaxxati l-miżuri tal-pandemija tal-Coronavirus, u wara li l-Arċidjoċesi tat permess li jsiru pellegrinaġġi ta’ radd il-ħajr bil-vari meqjuma fil-knejjes.
Għalhekk, nhar il-Ħadd li ġej, dawn iż-żewġ vari ser joħorġu f’pellegrinaġġ storiku u uniku f’Birkirkara li jibda fis-6.30pm.
Il-pellegrinaġġ bil-vara titulari ta’ San Ġużepp Ħaddiem toħroġ mill-Knisja Parrokkjali u fl-istess ħin toħroġ il-vara tal-Madonna tal-Karmnu mis-Santwarju Tereżjan.
Iż-żewġ pellegrinaġġi jiltaqgħu fi Triq in-Naxxar, fil-kantuniera ħdejn il-pompa tal-petrol, u jimxu tul din it-triq ewlenija bħala pellegrinaġġ wieħed biż-żewġ vari. X’ħin jaslu fil-kantuniera ma’ Triq il-Karmnu, iż-żewġ pellegrinaġġi jitkomplew separatament sad-dħul tagħhom fil-knejjes rispettivi.
//= $special ?>