Lokali

Perit imħallas li jgħin lil min ikollu żvilupp ħdejh

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin nediet inizjattiva li permezz tagħha se tgħin lill-ġirien li biswithom ikun qed isir żvilupp. Din l-inizjattiva se tibda mill-1 ta’ Settembru li ġej.

Id-dettalji ta’ din l-iskema thabbru l-Ġimgħa waqt konferenza tal-aħbarjiet, fejn il-President tal-MDA Sandro Chetcuti spjega li l-ġirien se jkunu jistgħu jqabbdu perit tal-għażla tagħhom sabiex hu jkun jista’ jevalwa rapporti relatati mal-iżvilupp. L-ispejjeż tal-Perit se jkun qed jitħallas mill-iżviluppatur stess.

Chetcuti saħaq li dawk il-membri li mhux se jħallsu l-ispejjeż tagħhom wara li jkun sar ir-rapport mill-perit u wara li jkunu ngħataw l-irċevuti mitluba, se jiddaħħlu fil-lista s-sewda tal-MDA.

Kull membru tal-MDA se jkun qed jingħata sticker li titwaħħal maġenb is-sit ta’ kostruzzjoni sabiex il-ġirien ikunu jafu li l-iżvilupp se jkun qed isir minn membru tal-Assoċjazzjoni, filwaqt li se sservi bħala informazzjoni għall-ġirien f’każ ta’ problemi.

Min-naħa tagħha d-Direttur Ġenerali tal-MDA Marthese Portelli saħqet li inizjattiva bħal din se tgħin biex il-ġirien li jgħixu fejn il-proprjetà li tkun qed tinbena se jkollhom serħan il-moħħ irripetivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Hi appellat lil dawk l-izviluppaturi li mhumiex fl-MDA biex huma wkoll jaddottaw din l-inizjattiva. 

Intant fil-ġimgħat li ġejjin, l-MDA se tkun qed tagħmel kampanja ta’ informazzjoni għall-pubbliku biex ikun mgħarraf ukoll dwar id-drittijiet li wieħed għandu waqt li jkun għaddej xogħol tal-iżvilupp.