Lokali Qorti

“Rajt lil Yorgen Fenech Kastilja” – Kurt Farrugia

“Rajt lil Yorgen Fenech darbtejn.. darba f’avveniment relatat mal-Power Station u darb’oħra Kastilja, possibbilment għal-laqgħa ma’ Keith Schembri.” “Ma kontx naf li Schembri u Fenech kienu qishom aħwa”.

Hekk stqarr Kurt Farrugia fil-Qorti meta kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Kurt Farrugia…illum Kap Ezekuttiv tal-Malta Enterprise… serva bħala Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Patit Laburista bejn l-2008 u l-2013 u wara bħala Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern.

Fil-Qorti, Kurt Farrugia qal illi fl-2016 kien talab spjegazzjonijiet dettaljati mingħand Mizzi u Schembri dwar il-kumpaniji tal-Panama. Ghalkemm il-Bord staqsa dwar “suspett” li Farrugia kien jaħbi informazzjoni rigward il-bank Pilatus.

Meta ġew żvelati l-Panama Papers, huwa segwa mill-qrib x’kienu qed jirrappurtaw il-mezzi tax-xandir biex ikun jista’ joħroġ reazzjoni, Mistoqsi dwar x’kienet ir-reazzjoni ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri dwar dak li kien żvelat, Farrugia jgħid li ma jiftakarx. Mistoqsi jekk kellhomx sors indipendenti ta’ informazzjoni fuq il-Panama Papers, Kurt Farrugia qali li kien joqgħod fuq dak li kienu jgħidulu Mizzi u Schembri.

Farrugia qal li li ma kienx kompitu tiegħu li jkellem nies li kienu parti minn strutturi oħra… b’referenza għal Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT. Sostna li qatt ma kellu kopja tar-rapporti tal-FIAU u kien jaqra dawn id-dokumenti minn fuq il-media.

Farrugia ma jeskludix li Nexi BT seta’ kellhom uffiċċju f’Kastilja għax kienu jagħmlu xogħhol ta’ awdittjar għall-Gvern, u filfatt ġieli ra lil Brian Tonna Kastilja.

Intqal illi dakinhar tal-assassinju, Kurt Farrugia kien ċempel lil Kummissarju biex isaqsih x’kien ġara fejn dan ikkonfermalu li inqatlet Daphne Caruana Galizia.

Qal ukoll illi fil-briefing li sar Kastilja ezatt wara l-assassinju tal-ġurnalista, kien hemm preżenti l-Brigadier, Keith  Schembri, Keith Arnaud u Joseph Muscat, iżda l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar u Silvio Valletta ma kienux hemm.

Waqt is-smigh, Kurt Farrugia kien mistoqsi dwar il-famuzi laqghat fir-raba’ sular tac-Centru Nazzjonali laburista…filwaqt illi stqarr taht gurament li lil Yorgen Fenech ma tantx kien jafu.

L-Avukat Jason Azzopardi saqsa x’kienet ir-raġuni li l-media ma kinitx mistiedna għal-laqgħa li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kellu mal-Prim Ministru tal-Azerbaijan fl-2014… delegeazzjoni li kienet tinkludi lil Farrugia, Mizzi u Schembri. B’Azzopardi jżid li l-media saret taf b’din iż-żjara permezz ta’ rappurtaġġ li sar fil-mezzi tax-xandir tal-Azerbaijan.

Farrugia qal li kien wissa lil Schembri li kien se jkun ta’ riskju jekk jinftaħ kumpanija sigrieti barra minn Malta. Mistoqsi minn Jason Azzopardi dwar kienx għadu jemmen li Schembri kien onest miegħu, Farrugia naqas milli jwieġeb.

Qal li kien tkellem ma’ Keith Schembri speċifikament fuq 17 Black, iżda t-tweġibiet li ngħata ma kinux sodisfaċenti.

Kurt Farrugia kkonferma li diversi nies fil-Gvern kienu appellaw għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi. Fl-opinjoni tiegħu, nies f’pożizzjoni bħal dik ta’ Mizzi ma setgħux ikunu involuti f’kontroversji bħal dawn peress li l-pożizzjoni tagħhom ma tibqax waħda tenibbli.

Għal Farrugia dehru l-Avukati Charlon Gouder u Pawlu Lia, filwaqt li l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia dehru għall-familja Caruana Galizia.