Għawdex Lokali

Spettaklu f’Għawdex għall-familja kollha

Il-Kunsill Lokali tal-Munxar nieda programm ta’ attivitajiet għal matul iż-żmien tas-Sajf.

Dan il-programm bl-isem “I Love Xlendi” huwa programm vast fejn ta’ kull nhar ta’ Sibt se jkun hemm esebizzjoni ta’ talent lokali u attivitajiet oħra.

Fost dawn l-attivitajiet ta’ min isemmi l-fjakkolata tradizzjonali tax-Xlendi, il-festival taċ-Ċeramika kif ukoll ix-Xlendi Sunset Festival li se tkun l-ewwel attività li se tiftaħ dan il-programm ta’ attivitajiet.

Dan il-festival ser jiġi organizzat nhar is-Sibt 18 ta’ Lulju mis-7.30 ‘il quddiem. Fih se jieħdu sehem bands rinomati bħal Rubberband u The Travellers flimkien ma’ DJ Mykill u Ronald Briffa.

Is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri stqarr ma’ Net News li dan il-programm jinvolvi ħafna xogħol u ħsieb.

L-għan ewlieni tiegħu huwa li jservi ta’ pjattaforma għat-talent lokali kif ukoll joffri spettakklu lill-viżitaturi fil-bajja pittoreska tax-Xlendi. Is-sindku enfasizza l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet anke bħala għodda sabiex ikun attirat it-turiżmu intern f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi. Is-Sindku appella sabiex in-nies iżuru x-Xlendi u jgawdu minn dawn l-attivitajiet li se jkunu organizzati kull nhar ta’ Sibt.

Ritratt: Courtney Farrugia