Ekonomija Lokali

Tal-ħwienet jistaqsu dwar il-vouchers

Il-vouchers tal-Gvern saru bil-għan li l-ekonomija tibda tirpilja wara d-daqqa li ħadet kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Apparti il-vouchers ghar-ristoranti, hemm ukoll 20 ewro li jridu jintefqu fi ħwienet li kellhom jagħlqu jew naqqsu l-bejgħ tagħhom minħabba l-virus dan biex huma jiġu mgħejjuna jqumu fuq saqajhom.

Sidien ta’ dawn in-negozji li tkellmu ma’ Net News saħqu li huma mhux qed jieħdu l-20 ewro kollha għaliex hemm pagament minimu ta’ ipproċesar li qed jittieħdu fuq kull voucher.

Dan ikkonfermah magħna l-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri.

Il-perċentwali li semma l-Ministru hu madwar 30 ċenteżmu fuq kull voucher, dan hu kkalkulat li jwassal għal telf ta’ aktar minn 500,000 ewro għall-ħwienet.

Silvio Schembri saħaq li dawn se jmorru għand il-banek, iżda meta s-sidien tal-ħwienet ikkuntatjaw lill-banek, dawn tal-aħħar saħqu li dawn il-flus se jmorru għand il-MIMCOL li hija aġenzija tal-Gvern u jekk hu hekk, se jibqgħu għand il-Gvern minflokk fil-bwiet tan-negozji.

Intant, fl-aħħar pakkett imħabbar mill-Gvern, apparti l-vouchers, tħabbar li l-wage suppliment se jkompli sa Settembru. Studji juru li l-ekonomija mhux se tkun ghadha qabdet sew wara Settembru u għalhekk staqsejna lill-Ministru Schembri jekk il-Gvern hux se jkompli bil-wage suppliment wara x-xhur tas-Sajf. Schembri saħaq li l-Gvern għadu se jara jekk dan għandux ikompli kif inhu, ikompli bi tnaqqis jew jieqaf għal kollox, pero għadu ma jafx x’se jiġri f’dan l-istadju.