Futbol Sport

West Ham prattikament salvi b’rebħa fil-konfront dirett kontra Watford

(Ritratt: EPA)

West Ham għamlu pass fondamentali li jsalvaw posthom b’rebħa ta’ 3-1 fil-London Stadium kontra Watford, f’dak li kien konfront dirett fit-taqtigħa kontra r-relegazzjoni. B’dawn il-punti, West Ham kważi għandhom ċertezza matematika li se jibqgħu fil-Premier League. Fuq in-naħa l-oħra, Watford baqgħu tliet punti fuq Bournemouth u Aston Villa.

Il-Hammers kellhom bżonn biss sitt minuti biex fetħu l-iskor b’konklużjoni fil-baxx ta’ Michail Antonio. It-tim ta’ David Moyes irdoppja erba’ minuti wara b’daqqa ta’ ras brillanti ta’ Tomas Soucek wara kross mil-lemin ta’ Jarrod Bowen. Declan Rice kompla jkabbar il-vantaġġ fis-36 minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa li ntemm fir-rokna tax-xibka.

Watford naqqsu d-distakk fid-49 minuta b’azzjoni brillanti fuq il-linja xellugija. Ix-xutt ta’ Ismaila Sarr ġie mċaħħad mill-wieqfa, bil-ballun jispiċċa għand il-captain Troy Deeney li skorja b’xutt għar-rokna. Għalkemm Watford bdew ifittxu t-tieni gowl li jiftaħ il-logħba, West Ham irnexxielhom jerġgħu jikkalmaw il-logħba. Huma saħansitra marru qrib ir-raba’ gowl permezz tas-sostitut Sebastian Haller iżda Ben Foster kien preċiż biex f’dawwar f’korner.