Futbol Sport

Arsenal fil-finali tal-FA Cup b’doppjetta ta’ Aubameyang

(Ritratt: EPA)

Doppjetta ta’ Pierre-Emerick Aubameyang poġġiet lil Arsenal fil-finali tal-FA Cup wara wirja qalbiena biex għelbu lil Manchester City 2-0. Arsenal kienu ġejjin minn rebħa fost il-ġimgħa kontra ċ-champions il-ġodda Liverpool.

It-tim ta’ Mikel Arteta kellu jiddefendi għal ħinijiet twal iżda kkastigaw lil City bil-kontrattakki. Minkejja li kellhom il-maġġoranza tal-pussess, Manchester City ma tantx kienu ta’ periklu għal Emiliano Martinez. B’hekk, Arteta għeleb lil Pep Guardiola, il-persuna li kien l-assistent tiegħu ma’ Manchester City qabel sar manager ta’ Arsenal. B’din ir-rebħa, Arsenal baqgħu jittamaw li jiksbu post fil-UEFA Europa League staġun ieħor.

Il-Gunners fetħu l-iskor fid-19-il minuta kross ta’ Nicolas Pepe fuq it-tieni lasta spiċċa għand Pierre-Emerick Aubameyang li bi bravura u b’kalma għeleb lil Ederson. L-istess plejer irdoppja fil-71 minuta meta rċieva passaġġ fit-tul ta’ Kieran Tierney, qabad id-difiża avversarja fuq sieq waħda, avvanza u skorja b’xutt fil-baxx.

Arsenal itemmu l-impenji fil-Premier League b’logħbiet kontra Aston Villa l-Erbgħa u kontra Watford f’darhom il-Ħadd. Manchester City jilagħbu f’darhom kontra Watford it-Tlieta u kontra t-tim relegat Norwich.

Tags