Futbol Sport

Il-veterani Soriano u Cazorla se jħallu lil Villarreal

Villarreal ħabbru li l-midfielders veterani Santi Cazorla u Bruno Soriano se jilagħbu l-aħħar logħba tagħhom mal-klabb illum. Soriano li hu l-captain tal-klabb, lagħab il-karriera tiegħu mal-istess klabb u ħabbar li se jirtira fis-36 sena wara serje ta’ problemi fl-irkoppa li żammewh barra mill-azzjoni għal tliet snin qabel irritorna x-xahar li għadda.

Cazorla wkoll beda l-karriera ma’ Villarreal. Hu għamel id-debutt fl-2003 u dam magħhom sal-2011 b’eċċezzjoni għal staġun ma’ Recreativo Huelva. Fl-istaġun 2011/12 lagħab ma’ Malaga qabel ingħaqad ma’ Arsenal fl-Ingilterra. Hu dam magħhom sal-2018 qabel irritorna ma’ Villarreal wara serje ta’ injuries.

Il-media Spanjola qed tirrapporta li l-plejer ta’ 35 sena se jingħaqad mal-klabb mill-Qatar Al Sadd li jinsabu taħt it-tmexxija tal-eks midfielder Spanjol Xavi. Villarreal assiguraw post fl-Europa League għal staġun ieħor iżda jridu kontra Eibar biex jaċċertaw li jtemmu l-kampjonat fil-ħames post.